Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

pr0871
Date Icon 05/05/2011

Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni maħruġa llum dwar id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 355AT tal-Kodiċi Kriminali.

Irid jingħad li minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi fl-2003, l-Oppożizzjoni ma kienet għamlet xejn fuq dan. Kien biss wara li ġie dikjarat mill-Gvern li ser iġib fis-seħħ l-artikolu in kwistjoni li fil-11 ta’ Jannar 2010 ġiet ippreżentata talba uffiċjali permezz ta’ mozzjoni Parlamentari. L-artikolu ġie fil-fatt fis-seħħ fl-10 ta’ Frar 2010.

Kif kien ġie ddikjarat is-sena l-oħra, il-Gvern għamel valutazzjoni ta’ kif ħadmet is-sistema u rriżulta li f’sena, minn 2,994 persuna li ġew arrestati, kienu 709 li għamlu użu mid-dispożizzjoni imsemmija, għalkemm kollha kellhom id-dritt. Fuq dan ittieħdet id-deċiżjoni, li tħabbret reċentement, li l-interrogazzjonijiet ta’ persuni akkużati b’reati serji jiġu reġistrati permezz tal-vidjo u li l-proċeduri għall-ħruġ tat-tender neċessarju jinsabu għaddejjin.

Għar-rigward tas-sentenzi reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt li wieħed jikkonsulta avukat fiż-żmien tal-investigazzjoni, dawn huma parti mill-kors normali u naturali tal-iżvilupp tad-drittijiet fondamentali li kull Gvern demokratiku jrid jabbraċċja.

Reċentement il-Qorti Kostituzzjonali, u dan in segwitu tas-sentenza mogħtija ta’ Salduz vs Turkija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-tlett sentenzi dwar il-kwistjoni tad-dritt ta’ assistenza legali fl-istadju tal-investigazzjoni.

Dawn is-sentenzi huma s-segwenti:

Referenza kostituzzjonali fl-ismijiet ‘Il-Pulizija vs Alvin Privitera’ deciza fil-11 t’ April 2011;
Referenza kostituzzjonali fl-ismijiet ‘Il-Pulizija vs Mark Lombardi’ deciza fit-12 t’ April 2011;
Referenza kostituzzjonali fl-ismijiet ‘Il-Pulizija vs Esron Pullicino’ deciza fit-12 t’ April 2011.

Fil-każ ta’ Privitera instabet leżjoni tal-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea u dan peress illi l-imputat ma kienx ingħata l-opportunità li jkollu assistenza legali fl-istadju tal-investigazzjoni. Il-Qorti Kostituzzjonali però ma ordnatx l-isfilz tal-istqarrija mill-atti iżda bagħtet l-inkartament lill-Qorti ta’ kompetenza kriminali sabiex tkun dik il-Qorti li in vista tas-sejbien tal-leżjoni tiddeċiedi hi dwar il-validità u l-legalità tal-istqarrijiet għall-fini tal-proċeduri kriminali.

Għandu jingħad ukoll li fil-każ ta’ Mark Lombardi, il-Qorti Kostituzzjonali wkoll ma ordnatx l-isfilz tal-istqarrija iżda ħalliet id-deċizjoni dwar il-validità tal-istqarrijja f’ idejn il-Qorti ta’ kompetenza kriminali. Il-qorti però marret oltre minn hekk u ddikjarat illi l-imputat għandu dritt għall-assistenza legali qabel ma ssir l-interrogazzjoni tiegħu iżda m’għandux dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni.

Fil-kaz ta’ Esron Pullicino, dan kien minorenni meta ittieħdet l-istqarrija, però l-Qorti Kostituzzjonali ukoll ma sfilzatx l-istqarrija u filwaqt li sabet leżjoni xorta waħda ħalliet id-deċizjoni dwar il-validità tal-istqarrija f’ idejn il-qorti ta’ kompetenza kriminali.

Għalhekk tenut kont ta’ din il-multipliċità ta’ pronunċjamenti reċenti da parti tal-Qorti Kostituzzjonali ma hemm ebda ħtieġa fil-fehma tal-Gvern illi illum ikomplu jsiru referenzi simili. Il-kwistjonijiet legali llum huma ċċarati u dan ma jwassalx għal-liberazzjoni kważi-awtomatika tal-imputat kif qed timplika l-Oppożizzjoni, iżda iwassal biss biex il-qorti tevalwa l-piż tal-istqarrija li jkollha quddiemha fl-ambitu tal-provi kollha miġjuba f’ kull każ partikolari tenut kont tal-fatt illi dik l-istqarrija tkun saret mingħajr l-assistenza legali.

Il-kompitu tal-qorti li jkollha quddiemha stqarrija li tkun saret mingħajr l-assistenza legali huwa illi għalhekk in vista tas-sentenzi msemmija aktar qabel tevalwa hi l-valitità tal-istqarrijiet u tiddeċiedi hi jekk l-istqarrijiet għandhomx iservu ta’ prova ta’ ammissjoni jew għandhomx minflok iservu ta’ prova ta’ fatt bħal kull prova oħra.

Għalhekk, billi d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq dan il-punt huma wkoll reċenti huwa skorrett li wieħed jimplika li l-Gvern kien imissu li ilu li ha passi fuqhom. Quddiem dan kollu, tenut kont tal-fatt li l-Qrati tagħna jiddeċiedu l-kawżi fis-serenità legali neċessarja, huwa żbaljat ukoll li wieħed jgħid li hemm lok għall-konfużjoni u l-paniku.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

Aktar Stqarrijiet Right arrow