FESTIVAL MEDJEVALI FL-IMDINA
Għat-tielet sena konsekuttiva l-belt tal-Imdina se terġa’ xxidd libsa medjevali waqt il-Medieval Mdina Festival: Floral and Pagaeantry. Dan se jsir fi tmiem il-ġimgħa, bejn is-Sibt 7 u l-Ħadd 8 ta’ Mejju. L-attività qed tkun organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Imdina bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).
L-attività issa daħlet sew fil-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali fil-gżejjer Maltin. Tant hu hekk li qed tkun imfittxija sew mill-operaturi turistiċi u minn turisti li jżuru Malta fuq bażi individwali. Hu stmat li s-sena li għaddiet, 37,000 ruħ, bejn turisti u Maltin, żaru l-festival.
Il-festival hu mfittex ukoll minn gruppi barranin li jispeċjalizzaw f’re-enactments u folklor u li jkunu jixtiequ jieħdu sehem. Din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem gruppi minn diversi pajjiżi fosthom mir-Renju Unit, mil-Italja, mill-Irlanda, mill-Ġermanja, minn Malta u minn San Marino fost l-oħrajn.
Id-dettalji ngħataw mis-Segretarji Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said,, mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mit-Turiżmu Mario de Marco u mis-Sindku tal-Imdina Peter dei Conti Sant Manduca.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan il-festival qed jilħaq erba’ għanijiet ewlenin: qed itejjeb il-prodott turistiku Malti b’mod partikolari dak li toffri ċ-Citta’ Notabile; qed ilaqqa’ flimkien gruppi ta’ parteċipanti u re-enactors Maltin u barranin; qed jgħin l-iskambji kulturali; u qed iservi wkoll biex idewwaq lil kbar u tfal ftit mill-istorja tal-Imdina bħala l-belt kapitali l-antika ta’ Malta. Hu faħħar ukoll l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Imdina li minkejja ċ-ċokon, bħala l-iżgħar Kunsill jirnexxielu jorganizza b’suċċess attivita’ fuq skala internazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li l-Mdina Medieval Festival sar avveniment annwali li jattira eluf ta’ persuni fosthom turisti. Hu qal li l-attività tgħin biex jissaħħaħ il-prodott turistiku u kulturali għaliex ikattar l-għarfien dwar l-istorja filwaqt li joffri esperjenza unika lit-turist li jżurna. Mario de Marco faħħar dawn l-inizjattivi kulturali li jgħaqqdu t-talent Malti ma’ dak barrani biex jagħtu ħajja lill-istorja rika ta’ pajjiżna.
L-attivitajiet li se jsiru fi tmiem il-ġimgħa jinkludu mużika medjevali, illużjoniżmu, kunċerti klassiċi u korali, u l-organizzazjoni ta’ suq medjevali. Se jsiru rappreżentazzjonijiet ta’ battalji bil-kostum u l-armi tal-epoka, il-bandu, is-suq tal-iskjavi, kċina medjevali, ġlied bix-xwabel, sparar bil-qaws, il-ġostra, wirjiet biż-żwiemel u tjur tal-priża. Se jieħdu sehem ukoll sbandieratori u ballestrieri mill-Italja.
Il-Palazzi u l-attrazzjonijiet ewlenin fl-Imdina se jestendu l-ħinijet tal-ftuħ u se jingħataw skontijiet fuq il-prezzijiet normali tal-biljetti tad-dħul. Ma jonqosx l-ikel u x-xorb.
Fost il-gruppi ta’ re-enactments li se jieħdu sehem hemm Knights of Redemption mill-Irlanda, The Black Company u Battles Abroad mir-Renju Unit, HRGM (Historical Re enactment Group of Malta) u Show of Arms minn Malta, il-Gruppo Ballestrieri di San Marino, il-Gruppo Folk Minos minn Reggio Calabria, Incoruptus mill-Ġermanja, St Benedict College Chess Academy, il-kor Sine Macula minn Ħal Safi, u s-sopran Rosabelle Bianchi li se tkun akkumpanjata minn Lydia Buttigieg fuq l-arpa u minn Alfred Fenech fuq l-oboe. Se jsiru wkoll taħditiet u lectures minn esperti fuq oqsma differenti tal-epoka
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005