Left arrow Go Back

FESTIVAL MEDJEVALI FL-IMDINA

pr0870
Date Icon 05/05/2011

Għat-tielet sena konsekuttiva l-belt tal-Imdina se terġa’ xxidd libsa medjevali waqt il-Medieval Mdina Festival: Floral and Pagaeantry. Dan se jsir fi tmiem il-ġimgħa, bejn is-Sibt 7 u l-Ħadd 8 ta’ Mejju. L-attività qed tkun organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Imdina bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).

L-attività issa daħlet sew fil-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali fil-gżejjer Maltin. Tant hu hekk li qed tkun imfittxija sew mill-operaturi turistiċi u minn turisti li jżuru Malta fuq bażi individwali. Hu stmat li s-sena li għaddiet, 37,000 ruħ, bejn turisti u Maltin, żaru l-festival.

Il-festival hu mfittex ukoll minn gruppi barranin li jispeċjalizzaw f’re-enactments u folklor u li jkunu jixtiequ jieħdu sehem. Din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem gruppi minn diversi pajjiżi fosthom mir-Renju Unit, mil-Italja, mill-Irlanda, mill-Ġermanja, minn Malta u minn San Marino fost l-oħrajn.

Id-dettalji ngħataw mis-Segretarji Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said,, mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mit-Turiżmu Mario de Marco u mis-Sindku tal-Imdina Peter dei Conti Sant Manduca.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan il-festival qed jilħaq erba’ għanijiet ewlenin: qed itejjeb il-prodott turistiku Malti b’mod partikolari dak li toffri ċ-Citta’ Notabile; qed ilaqqa’ flimkien gruppi ta’ parteċipanti u re-enactors Maltin u barranin; qed jgħin l-iskambji kulturali; u qed iservi wkoll biex idewwaq lil kbar u tfal ftit mill-istorja tal-Imdina bħala l-belt kapitali l-antika ta’ Malta. Hu faħħar ukoll l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Imdina li minkejja ċ-ċokon, bħala l-iżgħar Kunsill jirnexxielu jorganizza b’suċċess attivita’ fuq skala internazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li l-Mdina Medieval Festival sar avveniment annwali li jattira eluf ta’ persuni fosthom turisti. Hu qal li l-attività tgħin biex jissaħħaħ il-prodott turistiku u kulturali għaliex ikattar l-għarfien dwar l-istorja filwaqt li joffri esperjenza unika lit-turist li jżurna. Mario de Marco faħħar dawn l-inizjattivi kulturali li jgħaqqdu t-talent Malti ma’ dak barrani biex jagħtu ħajja lill-istorja rika ta’ pajjiżna.

L-attivitajiet li se jsiru fi tmiem il-ġimgħa jinkludu mużika medjevali, illużjoniżmu, kunċerti klassiċi u korali, u l-organizzazjoni ta’ suq medjevali. Se jsiru rappreżentazzjonijiet ta’ battalji bil-kostum u l-armi tal-epoka, il-bandu, is-suq tal-iskjavi, kċina medjevali, ġlied bix-xwabel, sparar bil-qaws, il-ġostra, wirjiet biż-żwiemel u tjur tal-priża. Se jieħdu sehem ukoll sbandieratori u ballestrieri mill-Italja.

Il-Palazzi u l-attrazzjonijiet ewlenin fl-Imdina se jestendu l-ħinijet tal-ftuħ u se jingħataw skontijiet fuq il-prezzijiet normali tal-biljetti tad-dħul. Ma jonqosx l-ikel u x-xorb.

Fost il-gruppi ta’ re-enactments li se jieħdu sehem hemm Knights of Redemption mill-Irlanda, The Black Company  u Battles Abroad mir-Renju Unit, HRGM (Historical Re enactment Group of Malta) u Show of Arms minn Malta, il-Gruppo Ballestrieri di San Marino, il-Gruppo Folk Minos minn Reggio Calabria, Incoruptus mill-Ġermanja, St Benedict College Chess Academy, il-kor Sine Macula minn Ħal Safi, u s-sopran Rosabelle Bianchi li se tkun akkumpanjata minn Lydia Buttigieg fuq l-arpa u minn Alfred Fenech fuq l-oboe. Se jsiru wkoll taħditiet u lectures minn esperti fuq oqsma differenti tal-epoka

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow