55 SENA MIL-LIĠI TAS-SIGURTÀ NAZZJONALI
Matul ix-xahar ta’ Mejju qegħdin infakkru l-55 sena mit-twelid tal-liġijiet tas-sigurtà soċjali f’Malta. Għalkemm minn ferm qabel, f’Malta kienu ddaħħlu miżuri u liġijiet oħra ta’ protezzjoni soċjali, kien fis-7 ta’ Mejju 1956 meta f’pajjiżna daħal fis-seħħ l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali li kien il-katalist tad-diversi liġijiet u miżuri soċjali li ddaħħlu fl-aħħar 55 sena. Fl-istess jum daħal ukoll l-Att dwar l-Assistenza Soċjali u Medika biex b’hekk dawn iż-żewġ Atti flimkien mal-Att dwar il-pensjoni tal-età li kien daħal fl-1948 bnew il-pedamenti li fuqhom hija mibnija s-sistema tas-sigurtà soċjali f’pajjiżna llum.
Fil-fatt fl-aħħar 55 sena rajna diversi liġijiet u miżuri soċjali importanti jiddaħħlu f’pajjiżna bħalma huma l-pensjonijiet kontributorji (irtirar, romol u invalidità), il-benefiċċji kontributorji l-oħra, (qgħad, mard u korriment fuq ix-xogħol), l-assistenza soċjali u medika, il-pensjoni tal-età, l-allowance tat-tfal, il-pensjoni għal diżabilità, il-benefiċċju tal-maternità, l-għajnuna supplimentari, il-benefiċċju tal-enerġija u diversi miżuri u tibdil soċjali ieħor.
Forsi l-aktar żvilupp importanti fl-aħħar snin kienet ir-riforma tal-pensjonijiet li daħlet fis-seħħ fl-2006. Matul dawn il-55 sena kienu introdotti u mtejba numru ta’ miżuri soċjali flimkien ma’ miżuri oħra favur iċ-ċittadin li ma jagħmlux parti diretta mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ pajjiżna. Dawn is-servizzi se jkunu t-tema ta’ Wirja li se tittella’ apposta fil-bitħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, f’Palazzo Ferreria fi Triq ir-Republika l-Belt Valletta.
Attivitajiet biex jitfakkru l-55 sena ta’ Sigurtà Soċjali
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jkun qed ifakkar dan l-avveniment importanti f’pajjiżna b’numru ta’ attivitajiet varji. Uħud minn dawn l-attivitajiet se jkunu miftuħa għall-pubbliku u oħrajn se jkunu interni għall-ħaddiema tad-Dipartiment. Dawn l-attivitajiet, bit-tema “Imsaħħa mill-Imgħoddi, b’Ħarsitna lejn il-Ġejjieni”, se jibdew il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju 2011 u jintemmu l-Erbgħa 25 ta’ Mejju.
L-attivitajiet li se jsiru huma dawn:
Il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju | Ftuħ uffiċjali ta’ Wirja Pubblika dwar il-kisbiet l-aktar importanti fl-aħħar 55 sena ta’ Sigurtà Soċjali. Il-wirja se tinfetaħ mill-Onor Dolores Cristina Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Il-wirja se ssir fil-bitħa interna tal-Ministeru, Palazzo Ferreria, 310 Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta u tibqa’ miftuħa sat-Tlieta 24 ta’ Mejju 2011 |
Is-Sibt 7 ta’ Mejju | Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Kappella tal-Bon Pastur, Ħal Balzan fis-7.00pm. Fost oħrajn se tattendi l-Onor Dolores Cristina Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Kulħadd hu mistieden. |
Il-Ħadd 8 ta’ Mejju | Ġurnata ta’ Volontarjat – ħaddiema tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jgħinu u jipparteċipaw fil-Maratona ta’ football b’risq Puttinu Cares fl-12.00pm. Nappellaw għall-parteċipazzjoni u l-ġenerożità ta’ kulħadd. |
It-Tnejn 9 ta’ Mejju | Uffiċjali tal-Customer Care tad-Dipartiment se jkunu preżenti kuljum waqt il-Wirja fil-bini tal-Ministeru biex jagħtu pariri dwar materji ta’ sigurtà soċjali lill-pubbliku preżenti |
It-Tnejn 16 ta’ Mejju | Jitniedu sett ta’ fuljetti u CD maħsuba għal persuni neqsin mid-dawl, b’informazzjoni dwar il-benefiċċji soċjali. Dawn se jkunu disponibbli mill-uffiċċji distrettwali tad-Dipartiment u anke fuq il-websajt tad-Dipartiment |
L-Erbgħa 18 ta’ Mejju | Se jinżergħu 55 siġra fis-sit tal-Ikkampjar f’Għajn Tuffieħa fl-10.00am biex ifakkru l-55 sena ta’ sigurtà soċjali f’pajjiżna. Kulħadd hu mistieden. |
It-Tnejn 23 ta’ Mejju | Il-Blood Donation Mobile Unit se jkun fil-Belt Valletta biex l-impjegati tad-Dipartiment u anke l-pubbliku jkunu jistgħu jagħtu d-demm. |
L-Erbgħa 25 ta’ Mejju | Seminar għall-istaff kollu tad-Dipartiment – dakinhar l-uffiċċji kollha tad-Dipartiment, inkluż l-Uffiċċju Ċentrali fil-Belt, l-Uffiċċji Distrettwali kollha u l-uffiċċji tad-Dipartiment f’Għawdex, se jkunu magħluqa għall-pubbliku. |
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005