NIKBRU FIL-KREATTIVITÀ - JIĠU MNEDIJA L-CULTURE CARD U L-PROGRAMM KREATTIV
NIKBRU FIL-KREATTIVITÀ huwa t-titlu li qed jingħata għall-ġabra ta’ inizjattivi ġodda fl-ambitu kreattiv li huma marbuta b’mod intrinsiku mal-qasam edukattiv. Fost dawn l-inizjattivi hemm KREATTIV u l-CULTURE CARD.
Dawn l-inizjattivi tħabbru fid-Diskors tal-Budget 2011 bħala serje ta' miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tas-settur kulturali u kreattiv ta' Malta, u li jifformaw parti importanti mill-ħidma strateġika li qed issir mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ekonomija tal-Kreattività.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco, spjega li l-programm ta' fondi KREATTIV huwa parti mill-impenn tal-Gvern biex edukaturi u prattikanti kreattivi jimpenjaw ruħhom f’kollaborazzjoni ħalli jinkoraġġixxu lill-istudenti jipparteċipaw aktar fis-settur kreattiv. Għalhekk skejjel jew klassijiet jistgħu jikkollaboraw ma’ artisti, xjentisti, periti u nies oħra biex joħolqu progetti kreattivi. Mario de Marco spjega li l-programm qed jimmira li jġib prattikanti kreattivi fl-iskejjel biex jaħdmu ma’ għalliema u studenti biex jispiraw u joħolqu proġetti b'mod kollaborattiv u innovattiv. Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-Gvern qed jiddedika €80,000 għal dan il-fond. Massimu ta’ €5,000 se jkun jista’ jingħata għal kull proposta magħżula, liema ammont irid jintuża fuq perjodu ta’ 12-il xahar.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar il-Culture Card u spjega li din hija inizjattiva ġdida għall-istudenti tal-iskola sekondarja mill-ewwel sena sat-tielet sena (Forms 1, 2 u 3) li se jingħataw kreditu ta’ €15 biex jintefaq f’attivitajiet artistiċi, kulturali jew f’attivitajiet bi ħlas organizzati f’postijiet ta’ wirt storiku. L-ammont totali li l-Gvern qed jinvesti f’din l-inizjattiva huwa ta’ €280,000. Mario de Marco qal li l-inizjattiva tal-Culture Card hija investiment fit-taħriġ kulturali taż-żgħażagħ u fil-formazzjoni intelletwali tagħhom. Hu qal li permezz ta’ din l-inizjattiva ż-żgħażagħ qed jiġu mħeġġa jinvestu f’attività prattika biex ikattru l-għarfien kulturali u storiku tagħhom. Dan iwassal ukoll biex tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.
L-inizjattiva tfisser li 15,000 żagħżugħ se jkunu jistgħu jattendu tliet avvenimenti kulturali u artistiċi kull sena – b’massimu ta’ €5 għal kull biljett. Dan ifisser li 45,000 biljett jistgħu potenzjalment ikunu maħruġa permezz tal-Culture Card mill-box offices f'Malta u Għawdex. Dawn il-Culture Cards bħalissa qed jinħadmu u se jkunu qed jingħataw lill-istudenti fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss. Il-Culture Card se tkun qed titħaddem bl-istess sistema u makkinarju tal-Smart Card.
Is-Segretarju Parlamentari qal li filwaqt li pajjiżna għandu għadd sustanzjali ta' studenti li jistudjaw suġġetti kulturali fil-livell terzjarju, huwa meħtieġ li jittieħdu inizjattivi bħal tal-Kreattiv u l-Culture Card biex ikompli jitkattar l-għarfien kulturali. Hu qal li skont l-aħħar data disponibbli, matul is-sena akkademika 2007/08, figuri għal Malta huma ogħla mill-medja UE fl-edukazzjoni terzjarja f’dan il-qasam. Min-naħa l-oħra, relattivament ftit Maltin imorru ċ-ċinema jew jattendu live performances bħat-teatru, opra jew kunċerti. Huwa għalhekk li inizjattivi ta’ edukazzjoni kulturali jwasslu biex tikber il-parteċipazzjoni u l-attendenza fl-attivitajiet kulturali.
Il-programm KREATTIV u l-Culture Card huma mmexxija mill-Unit tal-Kultura u l-Awdjoviżiv fis-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u l-iStudents Maintenance Grant Board.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005