Left arrow Mur Lura

NAQQAS 5 TUNNELLATI CO₂WAQT LEJLET LAPSI, NOTTE GOZITANA

pr0860
Date Icon 04/05/2011

Fost l-aktar inizjattivi oriġinali u siewja, din is-sena l-Ministeru għal Għawdex permezz tad-Direttorat Eko-Għawdex qed iniedi l-ewwel kampanja tax-xorta tagħha fejn dawk kollha li mistennija jżuru n-Notte Gozitana nhar il-Ġimgħa 3 u s-Sibt 4 ta’ Ġunju ser jintalbu jipparteċipaw biex flimkien jilħqu l-għan li jitnaqqsu mill-arja 5 tunnellati CO₂.  Id-dijossina tal-karbonju li toħroġ mill-karozzi tagħna f’forma ta’ duħħan, hi waħda mill-kaġuni ewlenin tat-tniġġiż tal-arja. 

“Kien għalhekk li din is-sena ridna nagħmlu xi ħaġa konkreta biex fiż-żewġt iljieli, meta fir-Rabat Għawdex jiżdiedu ħafna l-karozzi, kulħadd ikun jista’ jikkontribwixxi biex jiġi mnaqqas is-CO₂ mill-arja,” qalet il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fit-Terminal tal-Gozo Channel fl-Imġarr Għawdex.  Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm iċ-Chairman tal-kumpanija Gozo Channel Dr. Joseph Grech li wkoll faħħar din l-inizjattiva.

“Aħna kburin li ser nagħtu s-sostenn tagħna biex tirnexxi din l-ewwel edizzjoni tal-kampanja li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu mnaqqsa 5 tunellati ta’ CO₂,” qal Dr. Grech.

Waqt li tat id-dettalji dwar din l-inizjattiva, il-Ministru għal Għawdex fissret kif l-għajnuna tal-kumpanija Gozo Channel kienet strumentali u żiedet il-potenzjal biex din tkun tista’ tiġi mwettqa.  Dan għaliex kull min se jipparteċipa b’suċċess f’din l-inizjattiva se jingħata żewġ biljetti b’xejn biex jaqsam għal Għawdex mal-Gozo Channel matul ix-xhur tax-xitwa.

L-organizzaturi tal-kampanja biex jitnaqqsu 5 Tunnellati ta’ CO₂ waqt Lejlet Lapsi Notte Gozitana, fi ħdan id-direttorat Eko-Għawdex, ħasbu biex ħolqu ħames stazzjonijiet madwar il-belt Victoria li se jkunu operati waqt l-attivitajiet ta’ Lejlet Lapsi l-Ġimgħa 3 u s-Sibt 4 ta’ Ġunju. Kull min irid jipparteċipa jrid jiġbor mappa li ġiet stampata apposta u li se titqassam mal-ġurnal The Sunday Times tal-Ħadd 29 ta’ Mejju. Il-mappa trid tintuża waqt il-jumejn tan-Notte Gozitana fejn dawk li se jipparteċipaw iridu jiġbru timbru ta’ Eko-Għawdex minn kull stazzjon. L-istazzjonijiet jinstabu f’dawn il-pjazez:

Pjazza Indipendenza,
Pjazza San Franġisk,
Pjazza Savina,
Pjazza Santu Wistin u
Quddiem iċ-Ċentru Sir M.A. Refalo

Anness ma’ din l-istqarrija ssibu l-pjanta li ser tiġi mqassma fis-Sunday Times kif ukoll disinn tat-timbri li se jkunu jistgħu jinġabru minn kull stazzjon. Biex mappa tkun kompluta jridu jinġabru l-ħames timbri differenti biex b’hekk kull persuna li tkun qed tipparteċipa tkun imxiet total ta’ 1.5Km. Fl-istess mappa dawk li pparteċipaw se jkunu jistgħu jniżżlu n-numru ta’ persuni li mxew għat-timbri kif ukoll x’tip ta’ magna tal-karozza għandhom. Mill-informazzjoni fuq il-mappa se jkun jista’ jiġi kkalkulat kemm ġie ffrankat CO₂ mill-arja permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva.

Il-mapep kompluti bil-ħames timbri jistgħu jissarfu fit-ticket booths kollha tal-Gozo Channel fejn jinġabar il-vawċer għaż-żewġ biljetti b’xejn li se jkunu jistgħu jissarfu fix-xhur ta’ Ottubru, Novembru, Jannar u Marzu li ġejjin. “Din hi opportunità biex nistiednu lill-Maltin biex jerġgħu jżuru Għawdex fix-xhur tax-xitwa meta l-gżira toffri wkoll attrazzjonijiet partikolari fosthom il-kampanja unika Għawdxija,” temmet tgħid il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono.

B’kollox, ma’ The SundayTimes tal-Ħadd 29 ta’ Mejju, se jitqassmu 40,000 mappa. Tħabbar ukoll li mhux se jkun hemm aktar mapep x’jitqassmu wara d-data tal-Ħadd 29 ta’ Mejju peress li n-numru ta’ biljetti b’xejn li ġie allokat ma jistax jinqabeż. Għal aktar dettalji l-pubbliku jista’ jżur is-sit elettroniku www.eco-gozo.gov.mt .

Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni sħiħa mal-kumitat organizzattiv ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana li din is-sena qed iħejji diversi attrazzjonijiet ġodda li se jkunu għaddejjin bejn il-Ġimgħa 3 u l-Ħadd 5  ta’ Ġunju.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

Aktar Stqarrijiet Right arrow