NAQQAS 5 TUNNELLATI CO₂WAQT LEJLET LAPSI, NOTTE GOZITANA
Fost l-aktar inizjattivi oriġinali u siewja, din is-sena l-Ministeru għal Għawdex permezz tad-Direttorat Eko-Għawdex qed iniedi l-ewwel kampanja tax-xorta tagħha fejn dawk kollha li mistennija jżuru n-Notte Gozitana nhar il-Ġimgħa 3 u s-Sibt 4 ta’ Ġunju ser jintalbu jipparteċipaw biex flimkien jilħqu l-għan li jitnaqqsu mill-arja 5 tunnellati CO₂. Id-dijossina tal-karbonju li toħroġ mill-karozzi tagħna f’forma ta’ duħħan, hi waħda mill-kaġuni ewlenin tat-tniġġiż tal-arja.
“Kien għalhekk li din is-sena ridna nagħmlu xi ħaġa konkreta biex fiż-żewġt iljieli, meta fir-Rabat Għawdex jiżdiedu ħafna l-karozzi, kulħadd ikun jista’ jikkontribwixxi biex jiġi mnaqqas is-CO₂ mill-arja,” qalet il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fit-Terminal tal-Gozo Channel fl-Imġarr Għawdex. Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm iċ-Chairman tal-kumpanija Gozo Channel Dr. Joseph Grech li wkoll faħħar din l-inizjattiva.
“Aħna kburin li ser nagħtu s-sostenn tagħna biex tirnexxi din l-ewwel edizzjoni tal-kampanja li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu mnaqqsa 5 tunellati ta’ CO₂,” qal Dr. Grech.
Waqt li tat id-dettalji dwar din l-inizjattiva, il-Ministru għal Għawdex fissret kif l-għajnuna tal-kumpanija Gozo Channel kienet strumentali u żiedet il-potenzjal biex din tkun tista’ tiġi mwettqa. Dan għaliex kull min se jipparteċipa b’suċċess f’din l-inizjattiva se jingħata żewġ biljetti b’xejn biex jaqsam għal Għawdex mal-Gozo Channel matul ix-xhur tax-xitwa.
L-organizzaturi tal-kampanja biex jitnaqqsu 5 Tunnellati ta’ CO₂ waqt Lejlet Lapsi Notte Gozitana, fi ħdan id-direttorat Eko-Għawdex, ħasbu biex ħolqu ħames stazzjonijiet madwar il-belt Victoria li se jkunu operati waqt l-attivitajiet ta’ Lejlet Lapsi l-Ġimgħa 3 u s-Sibt 4 ta’ Ġunju. Kull min irid jipparteċipa jrid jiġbor mappa li ġiet stampata apposta u li se titqassam mal-ġurnal The Sunday Times tal-Ħadd 29 ta’ Mejju. Il-mappa trid tintuża waqt il-jumejn tan-Notte Gozitana fejn dawk li se jipparteċipaw iridu jiġbru timbru ta’ Eko-Għawdex minn kull stazzjon. L-istazzjonijiet jinstabu f’dawn il-pjazez:
Pjazza Indipendenza,
Pjazza San Franġisk,
Pjazza Savina,
Pjazza Santu Wistin u
Quddiem iċ-Ċentru Sir M.A. Refalo
Anness ma’ din l-istqarrija ssibu l-pjanta li ser tiġi mqassma fis-Sunday Times kif ukoll disinn tat-timbri li se jkunu jistgħu jinġabru minn kull stazzjon. Biex mappa tkun kompluta jridu jinġabru l-ħames timbri differenti biex b’hekk kull persuna li tkun qed tipparteċipa tkun imxiet total ta’ 1.5Km. Fl-istess mappa dawk li pparteċipaw se jkunu jistgħu jniżżlu n-numru ta’ persuni li mxew għat-timbri kif ukoll x’tip ta’ magna tal-karozza għandhom. Mill-informazzjoni fuq il-mappa se jkun jista’ jiġi kkalkulat kemm ġie ffrankat CO₂ mill-arja permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva.
Il-mapep kompluti bil-ħames timbri jistgħu jissarfu fit-ticket booths kollha tal-Gozo Channel fejn jinġabar il-vawċer għaż-żewġ biljetti b’xejn li se jkunu jistgħu jissarfu fix-xhur ta’ Ottubru, Novembru, Jannar u Marzu li ġejjin. “Din hi opportunità biex nistiednu lill-Maltin biex jerġgħu jżuru Għawdex fix-xhur tax-xitwa meta l-gżira toffri wkoll attrazzjonijiet partikolari fosthom il-kampanja unika Għawdxija,” temmet tgħid il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono.
B’kollox, ma’ The SundayTimes tal-Ħadd 29 ta’ Mejju, se jitqassmu 40,000 mappa. Tħabbar ukoll li mhux se jkun hemm aktar mapep x’jitqassmu wara d-data tal-Ħadd 29 ta’ Mejju peress li n-numru ta’ biljetti b’xejn li ġie allokat ma jistax jinqabeż. Għal aktar dettalji l-pubbliku jista’ jżur is-sit elettroniku www.eco-gozo.gov.mt .
Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni sħiħa mal-kumitat organizzattiv ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana li din is-sena qed iħejji diversi attrazzjonijiet ġodda li se jkunu għaddejjin bejn il-Ġimgħa 3 u l-Ħadd 5 ta’ Ġunju.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005