SKEMA FAVUR IT-TISĦIĦ TAL-KOMPETTIVITÀ U S-SOSTENIBBILITÀ TAS-SETTUR TURISTIKU
Bil-għan li tissaħħaħ il-kompettività u s-sostenibilità tas-settur turistiku, il-Gvern nieda skema għall-operaturi turistiċi biex jinvestu fi prattiċi ta’ enerġija effiċjenti. L-iskema hija amministrata mill-Malta Enterprise u tapprova self sa €400,000 li jkopri 80% tal-ispejjeż, eliġibbli fuq ħames snin.
L-għan tal-iskema hu li jkun hawn fondi disponibbli għall-industrija tas-settur turistiku, inklużi lukandi, ristoranti, snack bars, guesthouses, hostels, farmhouses, li jintużaw biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu ta’ l-enerġija. B’hekk l-operaturi iżiedu l-kompettività tagħhom filwaqt li titjib is-sostenibbilità tas-settur turistiku.
Permezz ta’ din l-iskema, l-operaturi turistiċi qed ikunu mħeġġa jinvestu f’apparat bħal energy saving lighting systems, thermal insulation, twieqi u bibien double-glazed, building management systems (BMS) li jagħmlu moniteraġġ tal-użu tal-enerġija kif ukoll f’sistemi ta’ enerġija ġġenerata mix-xemx u r-riħ. Din l-iskema għalhekk hija investiment fi prattiċi li jnaqqsu l-ispiża tal-enerġija u d-dipendenza fuq sistemi tradizzjonali għall-ġenerazzjoni tal-enerġija.
Id-dettalji dwar l-iskema tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech u mis-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco.
Il-Ministru Fenech qal li din l-iskema hija pass ‘ieħor ’l quddiem lejn it-tisħiħ ekonomiku permezz ta’ investiment fi prattiċi ta’ enerġija effiċjenti. Hu qal li fl-aħħar sentejn il-Malta Enterprise għenet 211 kumpanija permezz tal-energy audits li b’kollox jammontaw għal valur ta’ aktar minn €135,000. Hu spjega li minn dawn 56 kienu lukandi jew ristoranti. 50 lukanda jew ristoranti gawdew bejniethom minn €2.5miljun Ewro f’fondi tal-EU mill-iskema tal-Energija tal-ERDF.
Il-Ministru Fenech qal li dan huwa xhieda ta’ impenn kontinwu mill-Gvern favur is-settur turistiku f’pajjiżna li qed ikun mgħejun biex jilqa’ għall-isfidi marbuta ma’ prezz internazzjonali taż-żejt li spiss jiżdied u li fl-aħħarnett jissarraf fi prezz ogħla għall-konsum tal-enerġija.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li din l-iskema ssaħħaħ il-kompettività tas-settur turistiku filwaqt li tippromwovi l-prattiċi ambjentali. Hu spjega li l-iskema hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi oħra immirati lejn it-tisħiħ tas-settur turistika. Fost dawn hemm l-iskema għall-proġetti ta’ turiżmu sostenibbli b’investiment ta’ €10 miljun kif ukoll l-iskema ta’ sussidju fuq ir-rata tal-imgħax ta’ bejn 1% u 3% għal xogħol ta’ upgrading fl-istabbilimenti turistiċi. Mario de Marco semma wkoll l-iskema ta’ Eco Certification Scheme li b’allokazzjoni finanzjarja ta’ €7000, tiġi amminstrata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex tħeġġeġ il-lukandi jinvestu f’sistemi prattiċi favur l-ambjent.
Is-Segretarju Parlamentari qal li pajjiżna qed ikollu numru dejjem jiżdied ta’ turisti li huma konxji tal-ambjent u li jfittxu li joqogħdu jew imorru jieklu fi stabbilimenti li jħaddnu prattiċi ambjentali. Għalhekk, tenna Mario de Marco l-iskema ssaħħaħ is-settur u tippromwovi l-prinċipji ta’ turiżmu responsabbli.
L-iskema mħabbra llum se tibqa’ miftuħa sa Diċmebru 2013.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005