STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMMUNITÀ
Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità jixtieq jiċċara l-informazzjoni skoretta li qed toħroġ l-Oppożizzjoni fuq One News u fil-gażżetta Kullħadd fuq il-każ tal-infermiera mill-Pakistan li ġew jaħdmu f’Malta. Permezz ta’ din l-informazzjoni qarrieqa, l-Oppożizzjoni qed tagħmel sforz ċar sabiex tfixkel il-proċess tal-ingaġġ tal-infermiera.
Is-47 infermiera mill-Pakistan applikaw bħall-infermiera l-oħrajn kollha (Maltin u barranin). Dan għamluh fil-kapaċità personali tagħhom wara sejħa pubblika li ħarġet fit-2/2/2010. Kuntrarju għal dak li ġie rrapurtat fil-media, din ma kinitx sejħa urġenti iżda hija sejħa miftuħa, fil-fatt il-Ministeru QATT ma ħareġ sejħa urġenti.
L-impjieg tal-infermiera huwa regolat esklussivament minn kuntratt iffirmat bejn dawn l-istess infermiera fuq bażi individwali u l-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità. Il-Ministeru m’għandu l-ebda ftehim ma’ aġenziji jew terzi persuni dwar ir-reklutaġġ ta’ infermiera. Għaldaqstant, kwalunkwe kuntratt ieħor li seta’ ġie ffirmat mill-infermiera ma għandu l-ebda impatt fuq l-impieg tagħhom mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità. Il-Ministeru jikkjarifika li ebda aġenzija jew terza persuna m’għandha l-poter li tittermina l-impjieg tal-infermiera mal-Ministeru.
Dawn l-infermiera ma jaħdmux biss fl-Isptar Mater Dei, iżda jaħdmu f’diversi sptarijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità.
Il-Ministeru għas-Saħħa kellu diskussjonijiet mas-Central Visa Unit fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barannin dwar il-proċedura ta’ kif l-infermiera Pakistani għandhom japplikaw għall-visa u dawn ġew mogħtija struzzjonijiet mill-istess unit biex japplikaw mal-Konsulat Ġenerali tal-Italja f’Karachi. Madankollu, filwaqt li l-Ministeru jieħu ħsieb l-employment licence, huwa l-impjegat prospettiv li japplika għall-visa. Qed jiġi ċċarat ukoll li l-infermiera huma rikjesti li jkollhom visa valida qabel ma dawn jaslu Malta, u mhux ladarba jiġu Malta biex jaħdmu.
Rigward infermiera Indjani, il-Ministeru jista’ jikkonferma li s’issa ġew impjegati erba’ infermiera minn dan il-pajjiż, u li dawn bdew jaħdmu mal-Ministeru f’dawn l-aħħar ġimgħat. Hemm numru simili ta’ infermiera Indjani li għaddew mill-proċeduri tal-għażla u li għandhom jiġu ingaġġati hekk kif ikunu konklużi l-proċeduri neċessarji.
Hekk kif id-Dipartiment tas-Saħħa ġie infurmat bil-każ, għadda l-informazzjoni kollha lill-pulizija biex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005