IL-MEUSAC JGĦIN 14-IL KUNSILL LOKALI JAKKWISTAW €5.4 MILJUN MILL-PJAN TA’ ŻVILUPP RURALI
Il-MEUSAC għen b’suċċess 14-il Kunsill Lokali ieħor jakkwistaw €5.4 miljun ewro f’fondi mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali – Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali – Miżuri 313 u 323 tal-Unjoni Ewropea. Il-proġetti li se jsiru, primarjament jinvolvu t-tisbiħ taz-zoni rurali tal-lokalitajiet.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said u mill-Kap tal-MEUSAC Dr. Vanni Xuereb. Preżenti kien hemm is-Sindki tad-disa’ lokalitajiet Maltin li bejniethom se jkunu qed jieħdu €3.1 miljun ewro.
Miżura 313 titratta titjib fil-kwalità ta’ ħajja fi nħawi rurali u diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali. Din il-miżura għandha l-għan li tħeġġeġ l-iżvilupp sostennibbli u l-użu effiċjenti tar-riżorsi rurali għall-qasam turistiku. Il-Miżura 323 titratta konservazzjoni u titjib fil-livell tal-wirt rurali. L-għan tagħha hu li ttejjeb il-kwalità ta’ ħajja fi nħawi rurali billi jissaħħaħ il-pajsaġġ li joffru il-gżejjer Maltin. Din il-miżura tgħin f’investimenti bħall-konservazzjoni, restawr u titjib tal-livell tal-wirt naturali u fiżiku.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dawn il-proġetti se jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi f’oqsma bħall-agri-turiżmu, l-eko-turiżmu, u t-turiżmu kulturali. Il-proġetti nfushom se jgħinu wkoll biex il-lokalitajiet li kisbu fondi jkomplu jiżviluppaw b’mod sostenibbli. L-għan aħħari jibqa’ li t-tisbiħ tal-kampanja u r-restawr ta’ postijiet storiċi u rurali jwasslu biex aktar viżitaturi u turisti jżuru l-lokalitajiet u l-attrazzjonijiet tagħhom. B’hekk id-dħul mit-turiżmu ma jibqax konċentrat fl-inħawi tradizzjonalment marbuta mat-turiżmu fil-gżejjer Maltin iżda jinfirex mal-bqija tal-pajjiż. B’hekk ukoll ikunu ġenerati aktar impjiegi.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fakkar li tul is-sentejn u nofs li għaddew, il-MEUSAC għen lill-Kunsilli Lokali biex jiksbu €7.5 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea biex iwettqu 55 proġett differenti. Dawn il-fondi inkisbu f’perjodu ta’ sentejn u nofs minn mindu fil-MEUSAC twaqqfet taqsima apposta li toffri servizzi biex kunsilli lokali u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-programmi ta’ finanzjament li toffri l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li l-Kunsilli Lokali huma l-akbar benefiċjarji ta’ finanzjament Ewropew permezz tal-għajnuna tal-MEUSAC.
Dott. Vanni Xuereb tkellem dwar il-ħidma tal-MEUSAC mal-Kunsilli Lokali. Hu rrefera għal progress li sar f’sentejn u nofs u kif, minbarra li jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Kunsilli Lokali qed isaħħu d-dimensjoni Ewropea tal-lokalità tagħhom filwaqt li jtejbu l-kwalità ta’ ħajja tar-residenti u tal-viżitaturi f’dan il-lokalitajiet.
Id-disa’ proġetti tal-Kunsilli Lokali Maltin li ħadu fondi mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali bl-għajnuna tal-MEUSAC huma dawn:
F’Ħal Kirkop il-Kunsill Lokali se jirrestawra l-fdalijiet tal-imtalla’ (trejqa fil-kampanja mibnija fis-Seklu XVIII), il-katakombi Paleo-Kristjani u barriera medjevali. Il-proġett, li jdur madwar Pjazza Żernieq, għandu l-għan li jippromwovi u jsaħħaħ il-wirt rurali, kulturali u ambjentali tal-lokalità. Dawn il-postijiet se jservu ta’ attrazzjoni fihom infushom u għandhom jgħinu biex iżidu l-interess tradizzjonijiet oħra tal-lokalità fosthom il-logħob tan-nar u l-każini tal-baned.
F’Ħad Dingli, il-Kunsill Lokali se jirrestawra postijiet rurali storiċi u se jiffaċilita l-aċċess għalihom. Il-mogħdijiet li jwasslu għas-siti nfushom se jkunu restawrati, miżmuma tajjeb u l-aċċess għalihom regolat. Ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ se jwassal biex il-ħamrija ma tintilifx. Se jinħoloq ukoll heritage trail li jgħaqqad il-postijiet storiċi fil-lokalità. L-irdum ta’ Ħad Dingli hu sit ta’ Natura 2000 u għaldaqstant se jkun assigurat li ix-xogħlijiet li se jsiru jkunu mmaniġġjati bl-aħjar mod biex jippreservaw u mhux jgħarrqu l-abitat naturali.
Fiż-Żurrieq, il-Kunsill Lokali se jirrestawra u jsebbaħ l-inħawi ta’ Ħal Millieri. raħal medjevali li jinsab fil-limiti tal-lokalità. Partijiet mit-toroq li jwasslu sa Ħal Millieri se jsiru mill-ġdid filwaqt li z-zuntier s-Salib tad-Dejma u z-zuntier tal-Kappella ta’ San Ġwann se jkunu restawrati. Se jinbnew mill-ġdid il-ħitan tas-sejjieħ fejn meħtieġ u se jkun hemm information boards u għamara tat-triq bħal bankijiet. L-għan hu li jkun preżervat dan il-wirt storiku uniku u li jattira lejh aktar turisti.
Fil-Mosta, se jsir pjan għall-immaniġġjar ta’ Wied il-Għasel u Wied Ganamu. Il-widien se jitnaddfu u se jkunu restawrati. Se tinbena mogħdija biex tgħaqqad iż-żewġ widien flimkien . Se jsir ukoll restawr fuq il-pont tal-Isperanza. Se jsir ukoll sit elettroniku li jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi rurali u fdalijiet arkeoloġiċi u wirt arkitettoniku tal-lokalità.
F’Birżebbuġa se jkunu rranġati u msebbħa kilometri ta’ passaġġi fil-kampanja li jibdew min-naħa tal-Brolli u jibqgħu sejrin qalb l-egħlieqi f’Ta’ Sansajna, Wied il-Qoton u Borg in-Nadur. Il-passaġġi se jgħinu lill-viżitaturi iżda wkoll lill-bdiewa li issa se jkollhom aċċess aħjar għall-egħlieqi tagħhom. Se jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni u li jservu bħala gwida, se ssir heritage trail u se jsir sit elettroniku ġdid dwar il-post.
Fl-Iklin se jkunu restawrati il-ħitan tas-sejjieħ u l-mogħdijiet fl-inħawi tal-Kappella San Mikiel, fi Triq ir-Razzett l-Aħmar u fi Triq Erin Serracino Inglott. Dan il-proġett għandu jippromwovi l-lokalità għall-mixjiet fil-kampanja.
Fl-Imqabba se jkun żviluppat spazju ta’ rikreazzjoni fl-inħawi tal-katakombi tal-Mentna. Dan l-ispazju, għandu jservi bħala l-post minn fejn it-turisti u l-viżitaturi jibdew u jtemmu ż-żjara tagħhom fil-lokalità. Se jinħoloq ukoll heritage trail li se jgħaqqad il-qalba tar-raħal mal-egħlieqi u l-kampanja b’tali mod li l-viżitaturi jkunu jistgħu jimxu minn post għall-ieħor.
Fil-Għargħur se jsir investiment f’zona ta’ rikreazzjoni li toffri veduti spettakolari tal-baħar u tal-kampanja li tħaddar matul is-sena kollha. Fil-park se ssir promozzjoni ta’ snajja tradizzjonali Malti, fosthom tal-lavur fil-ġebel, tax-xogħol tal-ħitan tas-sejjieħ. Se jsiru wkoll faċilitajiet għal min isuq ir-rota. Se jkun ipprovdut apparat li jaħdem bil-bluetooth b’tali mod li l-viżitaturi jingħataw informazzjoni dwar dak li jkunu qed jaraw.
F’San Pawl il-Baħar il-Kunsill Lokali se jagħmel proġett li permezz tiegħu se jkun faċilitat l-aċċess għaz-zoni rurali tal-lokalità, se ssir mappa li fuqha se jkunu indikati l-inħawi rurali u storiċi, u se jsir intervent biex jissebbaħ l-ambjent rurali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005