L-10 EDIZZJONI TAL-GRAND TOUR OF TASTE F’GĦAWDEX
Għawdex ospita madwar 20 ġurnalist li jirrappurtaw f’mezzi tal-midja ewlenin fl-Italja u tliet koki magħrufa Taljani li saqu karozzi tad-ditta Porsche minn Bologna sal-gżira Għawdxija. Dan sabiex jipparteċipaw fl-10 edizzjoni tal-Grand Tour of Taste, inizjattiva meħuda mit-Teatro Arena del Sole ta’ Bologna, li għandu l-għan li jressaq l-ikel tipiku ta’ diversi reġjuni Taljani u ta’ pajjiżi oħra, lejn dawk li jippattronizzaw l-istess teatru.
Wara żjarat f’diversi pajjiżi Ewropej oħra fosthom il-Ġermanja, is-Slovenja, l-Ingilterra u l-Iskozja, din is-sena l-għażla waqgħet fuq il-gżira ta’ Għawdex wara ħidma intensiva mill-Kunsill tal-Belt Victoria b’kollaborazzjoni u appoġġ sħiħ mill-Ministeru għal Għawdex. B’hekk dawn il-koki, akkumpanjati minn rappreżentanza qawwija tal-midja Taljana fosthom ir-RAI, setgħu jiskopru u jesperjenzaw il-kultura, l-ikel u dak kollu li joffri identità lill-gżira Għawdxija.
Fil-jiem li qattgħu f’Għawdex il-koki u l-ġurnalisti ġew imdawra ma’ diversi lokalitajiet fosthom id-Dwejra, il-Ġgantija, l-Għar ta’ Calypso, il-Belt Victoria, iċ-Ċittadella u x-Xwejni, limiti ta’ Marsalforn. Kellhom l-opportunità li jżuru wkoll diversi restoranti li jispeċjalizzaw fil-kċina lokali b’animazzjoni u spettakli minn gruppi folkloristiċi Għawdxin. Esperjenza partikolari kienet iż-żjara f’forn lokali fejn setgħu jaraw kif isir il-ħobż tradizzjonali Għawdxi.
Waqt serata mtellgħa għall-okkażjoni, il-parteċipanti kienu indirizzati mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, mis-Sindku tal-Belt Victoria Dr Samuel Azzopardi, mid-Direttur tal-Arena del Sole Bruno Damini kif ukoll minn Direttur tal-Porsche Italia.
Filwaqt li tat merħba lil parteċipanti kollha l-Onor. Giovanna Debono fissret kif il-Ministeru għal Għawdex laqgħa t-talba tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria biex jagħti sostenn għal dan l-avveniment għaliex emmen fil-potenzjal li dan jista’ jkollu fir-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika. Hija semmiet inizjattivi u proġetti li twettqu f’Għawdex f’dawn l-aħħar snin, li permezz tagħhom baqa’ jiġi msaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi. Il-Ministru Debono spjegat kif Għawdex hija gżira li toffri attrazzjonijiet turistiċi matul is-sena kollha u kif il-viżjoni eko-Għawdex għandha wkoll potenzjal qawwi li toħloq opportunità ta’ żvilupp fil-qasam tal-eko-turiżmu.
Għal dan l-okkażjoni kien hemm preżenti wkoll l-Ambaxxatur Taljan għal Malta, l-E.T. Efisio Luigi Marras, l-Onor. Frederick Azzopardi Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u minn entitajiet oħra fis-settur turistiku.
Attività oħra f’Għawdex kienet imtellgħa fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi fil-Qala. Dawn il-koki magħrufa f’Bologna u li għandhom restoranti ta’ fama internazzjonali, Ivan Poletti, Mario Ferrara u Andrea Bandiera, taw lezzjonijiet prattiċi lill-istudenti ta’ dan l-istitut. Huma użaw ingredjenti lokali fosthom fniek, ħut, ħxejjex u ħwawar li huma partikolari għal gżira ta’ Għawdex. Filwaqt li kkummentaw li għal ftit sigħat reġgħu ħassew l-entużjażmu ta’ meta snin ilu huma stess kienu studenti f’istitut simili fl-Italja, il-koki sostnew li l-istudenti Għawdxin għandhom il-potenzjal kollu biex ikunu jistgħu joffru l-aqwa ikel tradizzjonali Għawdxi li huwa ingredjent rikk fl-identità ta’ Għawdex.
Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, dawn it-tliet koki mgħejjuna minn erba’ koki oħra, ser jippreżentaw is-Serata di Gola, pranzu gala bi platti tipiċi Għawdxin. Barraminhekk, matul l-istaġun teatrali ta’ dan is-sajf, dawk li jippatronizzaw it-teatru ser ikollhom ta’ kuljum l-opportunità li jesperjenzaw l-ikel Għawdxi li dawn l-istess koki jridu jħejju għal wara r-rappreżentazzjoni teatrali, waqt attività magħrufa bħala Dopoteatro con gli Chef. Fost il-ġurnali prominenti li mistennija jippromwovu dan l-avveniment hemm dawk tar-RAI, Canale 5, L’Espresso, Panorama Travel, Repubblica Viaggi, Style–Corriere della Sera u La Madia Travelfood.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005