IL-KOPERATTIVI JĠIBU EFFIĊJENZA U SODISFAZZJON
“Il-koperattivi huma opportunità għall-haddiema tas-settur pubbliku li jsibu sodisfazzjon ġdid fix-xogħol tagħhom, għax dan jiġbor fih il-prinċipji ekonomiċi u soċjali f’bilanċ ideali.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi, illum waqt żjara li huwa għamel għand Cross Roads Coop fl-okkażjoni tal-10 snin anniversarju minn meta ġiet imwaqqfa.
Is-Segretarju Parlamentari innota kif il-koperattiva Cross Roads, fl-aħħar għaxar snin waslet għal suċċessi kbar għax kienet kapaċi tisfrutta l-awtonomija li tagħtihom koperattiva u fil-waqt li l-ħames membri tagħha baqgħu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta, saret iżjed kompetittiva, u iżjed efficjenti. Cross Roads fl-aħħar għaxar snin, għamlet investimenti ta’ madwar €420,000 f’makkinarju, u vetturi li jgħinuha taħdem aħjar. L-inizjattiva li ħadu dawn il-ħaddiema li jmexxu lilhom infushom, qed tirrizulta f’iżjed effiċjenza, f’iżjed kompetittività u, l-iżjed ħaga importanti, f’iżjed sodisfazzjon għall-ħaddiema nfushom fuq il-post tax-xogħol.
Il-President tal-koperattiva Cross Roads, Joe Busuttil, stqarr li fl-aħħar għaxar snin, il-membri esperjenzaw sodisfazzjon ikbar fuq il-post tax-xogħol. Huwa qal li filwaqt li huma kellhom jiffaċċjaw sfidi fil-ħidma tagħhom, il-mudell koperattiv offrilhom iżjed inizjattivi għax-xoghol, xi ħaġa li mhumiex lesti li jitilfu malajr. Huwa ħeġġeġ ħaddiema oħrajn tas-settur pubbliku li jitħajru jwaqqfu koperattivi, għax dan il-pass kuraġġuz għamel differenza kbira għall-aħjar fil-ħajja tax-xogħol tagħhom.
Jason Azzopardi qal li fis-sena 2009, il-qasam koperattiv kombinat wettaq turnover ta’ iżjed minn €70 miljun. Dan juri li l-qasam li ilu stabbilit f’pajjiżna sa mill-1946 u li jilqa’ fi ħdanu madwar 5,100 membru f’57 koperattiva differenti, huwa b’saħħtu u jagħti kontribut importanti lill-ekonomija.
Intant is-segretarju Parlamentari ħabbar li fl-aħħar 12-il xahar (bejn Mejju 2010 – Mejju 2011) ġew irreġistrati 7 koperattivi ġodda mal-Board tal-Koperattivi. 3 koperattivi ġodda oħra jinsabu fi stadju preliminari ta’ registrazzjoni. Jason Azzopardi qali li dan jawgura tajjeb għall-ġejjieni, f’politika tal-Gvern li tpoġġi x-xogħol bħala l-prijorità ewlenija.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005