L-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX B’INIZJATTIVA GĦAL PUTTINU CARES
Il-Fun Walk for Puttinu, inizjattiva li ħadu l-impjegati tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Kumitat ta’ Puttinu Cares f’Għawdex, wasslet biex komplew jinġabru fondi b’risq Puttinu Cares, l-organizzazzjoni li tgħin u tappoġġja lil dawk morda bil-kanċer u l-familjari tagħhom.
L-Onor. Giovanna Debono Ministru għal Għawdex u l-Onor. Frederick Azzopardi, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ingħaqdu mal-parteċipanti għal din il-mixja li bdiet mill-entratura prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dawn kienu jinkludu għadd kbir ta’ ħaddiema li jaħdmu f’kull qasam tal-isptar.
Is-suċċess ta’ din l-attività jawgura tajjeb għal aktar ġbir ta’ fondi waqt il-Puttinu Cares Gozo Sports Weekend. Dan ser jilħaq il-qofol tiegħu fi tmiem il-ġimgħa li ġej, fl-istess jiem li f’Malta tkun qed tittella’ s-seba’ edizzjoni tal-maratona tal-futbol ta’ Puttinu Cares.
Il-ftuħ uffiċjali ta’ dan il-weekend ser ikun il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju fejn fil-5.30 p.m. ser issir quddiesa għaż-żgħażagħ u l-isportivi kollha fis-Santwarju ta’ Pinu, bil-parteċipazzjoni ta’ Thomas Cremona, iż-żagħżugħ li kkumbatta l-marda qerrieda tal-kanċer u li riċentament qasam l-Atlantiku bid-dgħajsa.
L-attivitajiet tas-Sibt 7 ta’ Mejju jibdew fit-8 a.m. fil-Gozo Stadium fix-Xewkija b’logħob ta’ futbol għal kulħadd fejn ser ikunu għaddejjin 3 logħbiet 6-a-side fl-istess ħin sat-8 p.m. Ser ikun hemm ukoll bouncing castle u face painting għat-tfal. Sadanittant, fil-Pjazza tal-Munxar ser issir wirja tal-karozzi bejn is-2 p.m. u nofsillejl; kompetizzjonijiet tal-boċċi bejn it-3 p.m. u s-6 p.m. f’Ta’ Sannat, ix-Xewkija, il-Qala u l-Qbajjar; servizzi ta’ hairdressing bejn id-9 a.m. u l-5 p.m.; u l-Puttinu Retro Disco Party ma’ DJ Alex (Reflex) Grech.
L-attivitajiet jissoktaw il-Ħadd 8 ta’ Mejju permezz tal-Gozo Half Marathon u tellieqa bir-roti fix-Xagħra u seba’ rħula oħra f’Għawdex bejn it-8.30 a.m. u s-1 p.m.; futbol għal kulħadd fil-Gozo Stadium bejn it-8 a.m. u nofsinhar u fil-grawnd ta’ Sannat bejn is-2 p.m. u s-7 p.m.; wirja taż-żwiemel fil-Pjazza tax-Xewkija bejn id-9 a.m. u nofsinhar; sparatura fuq il-plattini fiż-Żebbuġ Shooting Range mid-9 a.m. ’il quddiem u kompetizzjoni tal-boċċi f’Ta’ Sannat, ix-Xewkija u l-Qala bejn it-3 p.m. u s-6 p.m u hairdressing bejn id-9 a.m. u s-1.00 p.m. L-attivitajiet jagħlqu fil-grawnd ta’ Sannat bi spettaklu minn kantanti u żeffiena Għawdxin, face painting, bouncing castle, futbol, Giochi Senza Frontieri u l-attrazzjoni Aerial Runway – Flying Fox.
Barraminhekk għada fis-7 p.m. ser isir High Tea kbir, filwaqt li nhar il-Ħadd 15 ta’ Mejju fis-7 a.m. fil-Qbajjar limiti taż-Żebbuġ ser tittella’ kompetizzjoni tas-Sajd. Aktar informazzjoni tista’ tintalab fuq puttinucaresgozo@hotmail.com jew billi ċċempel fuq 79054750/99872487.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005