DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, DWAR IL-HAND AWARENESS DAY, QAWRA – IT-TLIETA 19 TA’ APRIL 2011
L-Għodwa t-tajba,
Din hija it-tielet sena konsekuttiva li qed tiġi organizzata l-Hand Awareness Day. Din l-attività bdiet tiġi organizzata bl-inizjattiva tad-dipartiment ta’ l-Occupational Therapy fl-isptar Mater Dei u b’kollaborazzjoni sħieħa mal-Awtorità Maltija għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax- Xogħol (l-OHSA).
L-għan ta’ din l-attività huwa li titqajjem kuxjenza fost il-ħaddiema u l-pubbliku in-ġenerali biex jiġu evitati l-inċidenti tal-id u d-driegħ. Dawn l-inċidenti għandhom implikazzjonijiet serji fuq l-aspett fiżiku, psikoloġiku u finanzjarju tal-ħaddiema involuti u l-familjari tagħhom. Fil-fatt bosta huma dawk il-ħaddiema li kawża ta’ dawn l-inċidenti ikollhom jibdlu x-xogħol tagħhom, u xi wħud saħansitra ma jkunux jistgħu jibqgħu jaħdmu.
Wieħed irid jikkunsidra wkoll l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dawn l-inċidenti, kemm fuq l-individwu konċernat, kif ukoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Dan kemm f’termini ta’ produttività, jiġifieri telf ta’ ġranet ta’ xogħol, benefiċċji soċjali, kif ukoll spejjeż involuti fil-kura u r-rijabilitazzjoni tal-ħaddiema li jsofru mill-inċidenti ta’ l-id.
Kull ma jmur jidher li qed titqajjem kuxjenza fuq il-postijiet tax-xogħol dwar dawn l-inċidenti. Matul is-sena 2009 kien hemm elf, erba mija u sitta u erbgħin (1,446) inċident fuq il-post tax-xogħol li jinvolvu l-pala ta’ l-id. Dawn jammontaw għal madwar tmienja u għoxrin (28) inċident kull ġimgħa. B’sodisfazzjon nirrimarka li matul l-2010 kien hemm tnaqqis sostanzjali f’dawn l-inċidenti. Fil-fatt ġew irrappurtati elf u tmienja u sittin (1,068) inċident ta’ dan it-tip li jammontaw għal madwar wieħed u għoxrin (21) każ fil-ġimgħa. Dan ifisser li matul is-sena li għaddiet kien hemm tnaqqis ta’ sitta u għoxrin fil-mija (26%).
Jidher li l-isforzi li qed isiru kemm mill-professjonisti tas-saħħa involuti fil-kura ta’ dawn il-pazjenti, konsulenti, occupational therapists, physiotherapists, tobba u infermiera, kif ukoll l-impenn ta’ l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol qed iħallu l-frott mixtieq.
Madanakollu, tibqa’ dejjem il-ħtieġa li jittieħdu dawk il-miżuri kollha li suppost jittieħdu biex jitnaqqsu r-riskji ta’ korriment fl-id. Dan mhux biss fil-kuntest li l-ħaddiema jistgħu jweġġgħu jew saħansitra jitilfu ħajjithom, imma wkoll għaliex ħafna drabi dawn il-ħaddiema għandhom familja li tiddependi fuqhom – finanzjarjament u emozzjonalment. Is-sena l-oħra kien ħareġ profil ta’ dawn il-ħaddiema li jweġġgħu idejhom fuq il-post tax-xogħol. Bosta kienu rġiel ta’ bejn l-ħamsa u għoxrin (25) u l-erbgħa u tletin (34) sena, u jaħdmu f’impjieġ fiss. Ħafna minnhom b’familji bi tfal ċkejknin. Hija ħasra li ħafna drabi dawn l-inċidenti jseħħu b’nuqqas ta’ ħsieb jew attenzjoni u għaliex persuni ma jilbsux ilbies protettiv.
Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lid-Dipartiment ta’ l-Occupational Therapy f’ Mater Dei u l-Awtorità Maltija Għas-Saħħa u Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol ta’ din l-inizjattiva u tal-ħidma fejjieda li qed jagħmlu f’dan il-qasam.
Saħħa u Grazzi
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005