Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA WAQT IL-KONFERENZA ‘L-AWTORITAJIET REGOLATORJI U R-RWOL TAGĦHOM BIEX IĦARSU L-KONSUMATUR’ ORGANIZZATA MILL-KUNSILL GĦA

pr0781
Date Icon 19/04/2011

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA WAQT IL-KONFERENZA ‘L-AWTORITAJIET REGOLATORJI U R-RWOL TAGĦHOM BIEX IĦARSU L-KONSUMATUR’ ORGANIZZATA MILL-KUNSILL GĦALL-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR, QAWRA – IT-TLIETA 19 TA’ APRIL 2011


Sinjuri.

Qabelxejn nixtieq nirringrazzja lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li ħareġ bl-idea li jorganizza konferenza b’din it-tema – ‘l-Awtoritajiet Regolatorji u r-Rwol Tagħhom biex Iħarsu l-Konsumatur’.

Diskussjoni dwar dan is-suġġett hi pertinenti ħafna għall-konsumatur. Fuq naħa waħda hemm id-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni li jara u jqis kull ilment minn konsumaturi fi kwalunkwe qasam, fis-setturi kollha. Min-naħa l-oħra hemm ir-Regolaturi li huma responsabbli għal settur wieħed partikolari.

Għaldaqstant insibu sitwazzjonijiet fejn konsumaturi u anki sidien ta’ negozji u intrapriżi, li jitfixklu għand min iridu jmorru bl-ilment jew bid-diffikultajiet tagħhom. Per eżempju, fuq materja ta’ telekomunikazzjoni, jekk konsumatur ikollu problema mas-service provider, għand min għandu jmur? Għand l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni jew għand id-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni?  Fil-qasam tal-enerġija, għand min għandu jmur? Għand l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi jew għand id-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni?

Dawn il-mistoqsijiet se nippruvaw nindirizzawhom illum bl-idea li nagħtu linja gwida lill-konsumaturi, sidien ta’ negozji u intrapriżi, u idea aktar ċara tal-kompetenzi tal-Awtoritajiet differenti u kif dawn jinteraġixxu flimkien biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom aħjar.

Din id-diskussjoni qed issir ukoll fi żmien propizju għaliex il-pubblikazzjoni tal-liġi li twaqqaf l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hi imminenti.

Nistqarr li ninsab sodisfatt għall-aħħar bil-mod kif żvolġa d-dibattitu dwar il-liġi l-ġdida li se twaqqaf din l-Awtorità. Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni u fil-Parlament b’mod partikolari kien hemm numru kbir ta’ sottomissjonijiet - suġġerimenti kostruttivi miż-żewġ naħat tal-kamra. Nista’ ngħid li wiżinna tajjeb is-suġġerimenti kollha u fejn ħassejna li kien hemm bżonn, emendajna l-abbozz oriġinali biex dan jirrifletti aħjar ir-rieda tal-Kamra tar-Rappreżentanti u l-ideat tal-istakeholders.

Anki l-mezzi tax-xandir u l-gazzetti f’pajjiżna taw l-ispazju kollu li t-twaqqif tal-Awtorità jimmeritah. Mhux biss billi ttrattaw il-liġi u stampaw artikli b’opinjonijiet ta’ diversi kummentaturi u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; iżda wkoll kitbu artikli biex jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet regolatorji dwar kif fl-opinjoni tagħhom, id-drittijiet tal-konsumatur jistgħu jitħarsu aħjar. 

Jekk verament f’ċertu każi dawn ma jkunux qed jitħarsu, jista’ jkun dibattibbli. Hu propju għalhekk li jeżistu l-awtoritajiet regolatorji – biex jieħdu pożizzjoni u biex jassiguraw il-ħarsien tal-konsumatur u tad-drittijiet tiegħu fl-oqsma partikolari li huma responsabbli minnhom. Hekk ġara per eżempju lejliet il-Milied li għadda meta d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ta d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-kwistjoni li qamet dwar id-distribuzzjoni tal-gass. Numru ta’ laqgħat bejn uffiċjali mill-Uffiċċju għall-Kummerċ Ġust u mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi wasslu biex tittieħed deċiżjoni f’tebqa t’għajn.

L-istess ġara meta qamet kwistjoni dwar it-tneħħija ta’ xi stazzjonijiet minn fuq il-platforms ewlenin tat-televiżjoni f’pajjiżna. Id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ħadem mill-qrib mal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni. Il-kwistjoni f’dan il-każ kienet, u hi, ferm aktar komplessa. L-investigazzjonjiet ilhom għaddejjin u qed nittama li id-Dipartiment ikun f’sitwazzjoni li jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu f’qasir żmien.

Bla dubju li kollaborazzjoni bejn awtoritajiet regolatorji differenti diġa teżisti. Iżda mhux se noqgħod indur mal-lewża. Bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u mill-Kompetizzjoni, qed neżiġi li għandu jkun hemm aktar kollaborazzjoni bl-għan aħħari jkun dak li nsaħħu l-ħarsien tal-konsumatur f’pajjiżna.

Irrid ngħid li l-Kunsill tal-Affarijiet tal-Konsumatur ser ikollu funzjoni ġdida u importanti ferm malli tidħol fis-seħħ il-liġi l-ġdida u cioe`:

“li jaġixxi bħala forum fejn ilaqqa’ flimkien lil dawk l-awtoritajiet pubbliċi li fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt bejn l-interessi tal-kummerċjanti u dawk tal-konsumaturi jew li jkunu responsabbli biex iħarsu l-interessi tal-konsumaturi, bil-għan li jistabilixxi relazzjoni ta’ koperazzjoni iżjed mill-qrib fost dawk l-awtoritajiet pubbliċi biex igibu ’l quddiem il-benesseri tal-konsumaturi”

Din daħħalniha bhala emenda fi stadju ta’ Kumitat ghax irrealizzajna kemm hi importanti li jkun hemm korp li jġib flimkien ir-regolaturi kollha li għandhom taħt il-liġijiet li jirregolawhom l-obbligu li jipproteġu l-interess tal-konsumatur. Fi ħdan il-kunsill, l-Awtoritajiet kollha koncernati ser ikollhom iċ-ċans li jressqu id-diffikultajiet tagħhom u l-problemi li normalment jiltaqgħu maghhom il-konsumaturi. Fi ħdan il-Kunsill għalhekk ser jiġi faċilitat id-djalogu bejn l-Awtoritajiet u bis-saħħa ta’ dan id-djalogu jkun jista’ jinstab l-ahjar mezz ta’ kif l-ahjar jistgħu jiġu indirizzati dawk id-diffikultajiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

Barra minnhekk klawsola 27 tal-liġi li tistabbilixxi l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur tindirizza propju sitwazzjonijiet meta jkun meħtieġ aktar kollaborazzjoni bejn entitajiet regolatorji f’oqsma differenti.

Fil-fatt il-liġi issa tagħti l-fakultà lill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – żewġ entitajiet ewlenin fi ħdan l-Awtorità l-ġdida – li jikkonsultaw mal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-applikazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti. Dan jistgħu jagħmluh kif u meta jħossu li hu neċessarju.

Il-liġi tistabbilixxi favur l-iskambju tal-informazzjoni kollha meħtieġa. L-informazzjoni għandha tingħata fi żmien raġjonevoli – perjodu ta’ żmien li jkun iddettat miċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ li jkun qed jiġi ttrattat.  M’għandniex xi ngħidu, f’każijiet bħal dawn, il-liġi teżiġi li għandha tkun rispettata l-kunfidenzjalità.

Iżda l-aktar importanti f’dan kollu, fl-opinjoni tiegħi, hi li issa permezz ta’ din il-liġi se jkun aktar possibbli minn qatt qabel li jkun hemm skambji ta’ informazzjoni u ideat, u kollaborazzjoni aktar sħiħa bejn l-entitajiet regolatorji. 

Dan ma jfisser xejn ħlief garanzija ta’ aktar protezzjoni u protezzjoni aħjar tal-konsumatur.

Qabel nikkonkludi xtaqt nagħmel punt ieħor. Bl-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur bdejna resqin lejn l-idea ta’ one-stop shop.  Jekk wieħed iħares lejn l-istruttura tal-Awtorita`, jinduna li fiha kienu amalgamati erba’ entitajiet li jistgħu jeżistu anki waħedhom. L-idea hi li meta npoġġu dawn l-erba` entitajiet flimkien nibdew nibbenefikaw minn ċertu sinergiji li jirriżultaw meta dawn ikunu qed jahdmu fl-istess awtorità bl-istess miri.

Il-vantaġġ għall-konsumatur hu ovvju. Il-konsumatur li jrid jinqeda issa se jkollu anqas problema biex jagħżel liema bieb irid iħabbat, għax l-Awtorità stess tkun f’pożizzjoni ideali li tidentifika hi stess liema entità tkun tista’ tindirizza dik is-sitwazzjoni jew problema partikolari.

Wara li nkunu waqqafna din l-Awtorità u nkunu rajniha tiffunzjona, m’hemm xejn xi jżommna milli fil-futur nikkunsidraw inwessgħu l-funzjonijiet tagħha jekk b’hekk il-konsumatur ikun jista’ jinqeda aħjar.

Mill-ġdid nirringrazzja lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li daħlu minn jeddhom biex jorganizzaw din il-Konferenza. Nirringrazzja wkoll lill-awtoritajiet regolatorji kollha, mill-oqsma tal-konsumatur, il-kompetizzjoni, il-komunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-istandards u l-mediċini, li qed jipparteċipaw. Persważ li mid-diskussjoni tal-lum se joħroġ ħafna ġid. U mil-lum nistieden lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex f’konferenza oħra bħal din, fil-futur, iġib flimkien aktar awtoritajiet regolatorji biex huma wkoll jagħtu l-opinjoni tagħhom.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow