STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Stqarrija qarrieqa fil-konfront tal-Ministeru għal Għawdex
Il-Ministeru għal Għawdex jirreferi għall-istqarrija li nħarġet mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex l-Onor. Anton Refalo u jirribatti l-allegazzjonijiet infondati li huma intiżi biss biex iħammġu u jagħmlu gwadann politiku qarrieqi.
F’dawn l-aħħar snin f’Għawdex baqgħu għaddejjin proġetti kbar li qegħdin itejbu dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja f’Għawdex permezz ta’ żieda u titjib fis-servizzi f’kull qasam soċjo-ekonomiku tal-gżira.
Matul l-aħħar sena fost l-oħrajn infetħet l-iskola sekondarja ġdida tas-subien li qed tagħti servizzi ta’ eċċellenza lil studenti Għawdxin u t-twaqqif ta’ Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid li għolla mhux ftit l-istandards u s-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. Dan mhux biss għall-benefiċċju tal-Għawdxin iżda għal kull min b’xi mod ikun jinħtieġ dawn is-servizzi f’Għawdex. Dan il-proġett huwa parti minn proġett akbar li jinkludi r-ristrutturar tat-tieni sala tal-operazzjonijiet. Ta’ min ifakkar li xogħlijiet ta’ din in-natura jirrekjedu ppjanar dettaljat li jesiġi li l-funzjonijiet tal-isptar kemm jista’ jkun ma jiġux interrotti biex jitnaqqas l-inkonvenjent kemm għal pazjenti kif ukoll għall-ħaddiema kollha. Fil-fatt minkejja x-xogħlijiet ta’ ristrutturar estensiv li sar fid-Dipartiment tar-Radjoloġija ttieħdu l-miżuri neċessarji biex dan s-servizz ma ġie mwaqqaf l-anqas għal siegħa waħda biss.
Il-proġetti li tirreferi għalihom l-istqarrija kollha huma proġetti kbar li għamlu jew ser jagħmlu differenza fis-setturi rispettivi tagħhom. Huma proġetti li jinvolvu investiment qawwi f’servizzi, xogħlijiet u provisti li jesiġu li jgħaddu minn proċess ta’ sejħiet għall-offerti li jieħu tul taż-żmien. Minkejja l-attentati malafamanti li kontinwament jagħmel l-Onor. Refalo, fil-proċessi tal-għoti ta’ dawn il-kuntratti qatt ma nstab li saru xi irregolaritajiet minkejja l-appelli li saru fir-rigward ta’ xi wħud minnhom. Dan kollu jixhed il-mod trasparenti u ġust li bihom jiġu aġġudikati l-offerti marbuta mas-sejħiet għall-offerti relatati ma’ proġetti tal-Ministeru għal Għawdex. Il-fatt li ma ntilef l-ebda finanzjament minn fondi Ewropej jixhed li x-xogħlijiet saru kif meħtieġ matul l-istadji kollha ibda mill-applikazzjoni sal-fażijiet finali li jwasslu biex jintemm il-proġett.
Qatt ma sar investiment daqshekk qawwi f’Għawdex daqs dawn l-aħħar snin. It-toroq li saru u li qed isiru ser ikomplu jsaħħu l-infrastruttura tat-toroq f’Għawdex filwaqt li jżidu s-sigurtà u jtejbu l-aċċess minn tarf sa ieħor tal-gżira. L-istituti edukattivi li saru fil-gżira Għawdxija qed ikunu strumentali biex ikomplu jiġu mtejba l-kompetenzi tar-riżors uman permezz ta’ korsijiet li jittellgħu f’Għawdex stess. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed joffri żewġ korsijiet full-time li għalihom qed jattendu 27 student filwaqt li 106 parteċipant ieħor qed jattendu korsijiet part-time. Din il-ġimgħa stess reġgħet ġiet organizzata ġimgħa ta’ attivitajiet li kompliet iżżid l-għarfien dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ organizzati f’dan l-Istitut li joffri faċilitajiet eċċellenti. Iċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat kompla jiżviluppa f’ċentru ta’ kreattività u innovazzjoni u qed jiġi mmassimizzat l-ispazju kollu biex iservi ta’ ċentru ta’ tagħlim għal matul il-ħajja. Xhieda ta’ dawn huma l-esebizzjonijiet imtellgħa minn dan iċ-ċentru matul is-sena. Fuq kollox l-attendenza ta’ 1,247 parteċipant f’55 kors li għaddejjin bħalissa hija testimonjanza valida u tixhed interess kbir minn naħa tal-parteċipanti li huma lkoll residenti f’Għawdex u jkopru firxa wiesgħa ta’ etajiet.
Dak kollu li sar sa issa jsaħħaħ l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu li tirriżulta fit-twettieq ta’ aktar proġetti għal Għawdex.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005