INAWGURAZZJONI TAL-JUNGLE WONDERLAND
Fl-iskola Primarja ta’ Ħal-Lija li tifforma parti mill-Kulleġġ Santa Tereża kienet inawgurata Literacy Room bit-tema tal-ġungla li se sservi biex fiha jsiru sessjonijiet ta’ qari minn studenti, ġenituri u awturi Maltin bl-iskop li l-istudenti jkunu megħjuna jiksbu l-ħiliet bażiċi tal-qari kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, wara sessjoni ta’ qari mat-tfal żgħar tal-iskola faħħret din l-inizjattiva u ddeskrivita bħala waħda mill-prattiċi tajba li diversi skejjel qegħdin jadottaw.
Il-prattiċi tajba jeżistu f’kull Kulleġġ li issa li ilhom imwaqqfa tliet snin, ir-riżultati pożittivi tagħhom qed jagħtu l-frott u jidhru.
Il-Kulleġġ Santa Tereża, li minnu tifforma parti din l-iskola li tilqa fiha tfal minn tliet irħul qrib xulxin, Ħal Lija, Ħal Balzan u l-Iklin, qed imexxi ‘l quddiem kampanja favur il-Litteriżmu. Diġa ttieħdu inizjattivi f’dan il-qasam u l-Jungle Wonderland li kienet inawgurata dalgħodu hi ħolqa oħra fil-kullana ta’ dawn l-inizjattivi ta’ min jinkoraġġihom.
Il-Ministru enfasizzat l-ħtieġa tal-qari – għal kulħadd – imma b’mod speċjali għat-tfal minn età bikrija, għax dan jgħinhom biex jiksbu waħda mill-ħiliet l-aktar importanti biex ikunu jistgħu jkompli mexjin ‘l quddiem fil-ħajja.
Aktar ma nagħmlu l-qari attraenti u b’mod li jagħti gost, aktar jirnexxielna nressqu nies lejn il-kotba. U l-ambjent li nħoloq f’din il-kamra żgur li se jiġbed aktar tfal lejha u allura lejn il-kotba u lejn il-qari.
Hi rringrazzjat lill-artist Joe Farrugia li għamel ġimgħat sħaħ biex ħaseb, ħażżeż ħsibijietu u finalment pinġa l-ħitan kollha ta’ Jungle Wonderland b’xeni li joħolqu ġungla virtwali. It-tfal iħobbu l-annimali u allura l-idea li tinħoloq atmosfera ta’ ġungla - li hi r-renju tal-annimali – żgur li se sservi biex aktar studenti jersqu lejn din il-kamra u jagħmlu ħbieb mal-ktieb.
Il-Ministru rregalat numru ta’ kotba lill-iskola u rringrazzjat lil dawk kollha li għoġobhom jagħtu kotba għal dan il-proġett u appellat għal aktar donazzjonijiet.
Hi ħeġġet ukoll lill-awturi, speċjalment dawk li jiktbu kotba għat-tfal, biex meta jsibu xi ftit tal-ħin, imorru f’din il-kamra u jaqraw il-ktiba tagħhom u jiddiskutuha mal-istudenti.
Il-Ministru Cristina qalet li waqt żjara li għamlet dan l-aħħar f’wieħed mill-Kulleġġi sabet klassi li fiha t-tfal u l-ġenituri tagħhom kienu miġbura flimkien jaqraw il-kotba. Dan jista’ jsir ukoll fl-ambjent sabiħ li nħoloq fl-iskola ta’ Ħal-Lija u qalet li attivitajiet bħal dawn iħallu ħafna ġid fit-tfal tagħna.
Il-Ministru Crisitna esprimiet ix-xewqa li din il-kamra issir bejta ta’ attività marbuta mal-qari u li titgawda mit-tfal ta’ din l-iskola, ta’ skejjel oħra li jiffurmaw parti minn dan il-Kulleġġ u mill-komunità kollha ta’ din il-lokalità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003