Left arrow Go Back

INAWGURAZZJONI TAL-JUNGLE WONDERLAND

pr0469
Date Icon 11/03/2011

Fl-iskola Primarja ta’ Ħal-Lija li tifforma parti mill-Kulleġġ Santa Tereża kienet inawgurata Literacy Room bit-tema tal-ġungla li se sservi biex fiha jsiru sessjonijiet ta’ qari minn studenti, ġenituri u awturi Maltin bl-iskop li l-istudenti jkunu megħjuna jiksbu l-ħiliet bażiċi tal-qari kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, wara sessjoni ta’ qari mat-tfal żgħar tal-iskola faħħret din l-inizjattiva u ddeskrivita bħala waħda mill-prattiċi tajba li diversi skejjel qegħdin jadottaw.

Il-prattiċi tajba jeżistu f’kull Kulleġġ li issa li ilhom imwaqqfa tliet snin, ir-riżultati pożittivi tagħhom qed jagħtu l-frott u jidhru.

Il-Kulleġġ Santa Tereża, li minnu tifforma parti din l-iskola li tilqa fiha tfal minn tliet irħul qrib xulxin, Ħal Lija, Ħal Balzan u l-Iklin, qed imexxi ‘l quddiem kampanja favur il-Litteriżmu. Diġa ttieħdu inizjattivi f’dan il-qasam u l-Jungle Wonderland li kienet inawgurata dalgħodu hi ħolqa oħra fil-kullana ta’ dawn l-inizjattivi ta’ min jinkoraġġihom.

Il-Ministru enfasizzat l-ħtieġa tal-qari – għal kulħadd – imma b’mod speċjali għat-tfal minn età bikrija, għax dan jgħinhom biex jiksbu waħda mill-ħiliet l-aktar importanti biex ikunu jistgħu jkompli mexjin ‘l quddiem fil-ħajja.

Aktar ma nagħmlu l-qari attraenti u b’mod li jagħti gost, aktar jirnexxielna nressqu nies lejn il-kotba.  U l-ambjent li nħoloq f’din il-kamra żgur li se jiġbed aktar tfal lejha u allura lejn il-kotba u lejn il-qari.

Hi rringrazzjat lill-artist Joe Farrugia li għamel ġimgħat sħaħ biex ħaseb, ħażżeż ħsibijietu u finalment pinġa l-ħitan kollha ta’ Jungle Wonderland b’xeni li joħolqu ġungla virtwali.  It-tfal iħobbu l-annimali u allura l-idea li tinħoloq atmosfera ta’ ġungla - li hi r-renju tal-annimali – żgur li se sservi biex aktar studenti jersqu lejn din il-kamra u jagħmlu ħbieb mal-ktieb.

Il-Ministru rregalat numru ta’ kotba lill-iskola u rringrazzjat lil dawk kollha li għoġobhom jagħtu kotba għal dan il-proġett u appellat għal aktar donazzjonijiet.

Hi ħeġġet ukoll lill-awturi, speċjalment dawk li jiktbu kotba għat-tfal, biex meta jsibu xi ftit tal-ħin, imorru f’din il-kamra u jaqraw il-ktiba tagħhom u jiddiskutuha mal-istudenti.

Il-Ministru Cristina qalet li waqt żjara li għamlet dan l-aħħar f’wieħed mill-Kulleġġi sabet klassi li fiha t-tfal u l-ġenituri tagħhom kienu miġbura flimkien jaqraw il-kotba.  Dan jista’ jsir ukoll fl-ambjent sabiħ li nħoloq fl-iskola ta’ Ħal-Lija u qalet li attivitajiet bħal dawn iħallu ħafna ġid fit-tfal tagħna.

Il-Ministru Crisitna esprimiet ix-xewqa li din il-kamra issir bejta ta’ attività marbuta mal-qari u li titgawda mit-tfal ta’ din l-iskola, ta’ skejjel oħra li jiffurmaw parti minn dan il-Kulleġġ u mill-komunità kollha ta’ din il-lokalità.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow