NHAR IL-ĦADD ATTIVITÀ GĦALL-FAMILJA BIEX JITFAKKAR IL-JUM DINJI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR 2011
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur li matulu jiġu mfakkra d-drittijiet bażiċi li għandhom il-konsumaturi madwar id-dinja, id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni qed jorganizza attività għall-familja kollha ġewwa l-picnic area ta’ Ta’ Qali, ma ġenb il-BOV Adventure Park. Din l-attività ser tittella nhar il-Ħadd, 13 ta’ Marzu, bejn 12:00 p.m. u s-6:00 p.m. Min iżur din l-attività ser isib logħob, mużika, drama, sports, ikel tradizzjonali u artiġġjanat. Taħlita ta’ attivitajiet li żgur ser jolqtu l-gosti ta’ kull min ser jattendi.
Minbarra dawn l-attivitajiet ta’ divertiment u peress li l-informazzjoni hija l-aqwa għodda li jista’ jkollhom il-konsumaturi u min ibigħ, kull min ser jiġi jżurna ġewwa Ta’ Qali ser jiġi pprovdut b’materjal informattiv fuq id-drittijiet u l-obbligi tiegħu, u ser ukoll ikollu l-possibiltà jistaqsi dwar id-diffikultajiet tiegħu lill-uffiċċjali tad-Dipartiment li ser ikunu preżenti apposta.
L-edukazzjoni u l-informazzjoni tal-konsumatur u ta’ min ibigħ jilgħabu rwol importanti biex iż-żewġ partijiet ikunu jafu l-ewwelnett kif il-liġi tipproteġihom meta jsibu ruħhom f’ċirkustanzi partikolari, però importanti wkoll li jkunu jafu l-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom biex jiġu evitati l-problemi u l-ilmenti li fl-aħħar mill-aħħar ma jgawdi minnhom ħadd.
Minbarra d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni fl-attivita’ ta’ Ta’ Qali ser jipparteċipaw entitajiet oħra li ser jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku. Dawn huma, l-Awtorità Maltija għall-Istandards, il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Għaqda tal-Konsumaturi, id-Dolceta, u ċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur f’Malta.
Waqt din l-istess attività l-Onorevoli Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, ser jippreżenta rigali lill-istudenti li ħadu sehem u rebħu kompetizzjonijiet organizzati mid-Direttorat għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni.
Kullħadd huwa mistieden jattendi din l-attività ta’ informazzjoni u divertiment. Id-dħul għal dawn l-attivitajiet huwa b’xejn.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003