BOROŻ TA’ STUDJU GĦAL STUDENTI BIEX ISIRU VETERINARJI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, permezz tal-avviż fil-gazetta tal-Gvern numru 18717 ħabbar li qed joffri numru ta’ boroż ta’ studju lill-istudenti li diġà qegħdin jistudjaw biex isiru veterinarji, kif ukoll lill-istudenti li huma interessati li jsiru veterinarji.
Dawn il-boroż ta’ studju se jgħinu biex jiffinanzjaw il-miżati tal-kors (inklużi l-miżati mħallsa sa llum) flimkien ma’ renumerazzjoni ta' € 2,500 għal kull sena skolastika. Dawn il-flus se jingħataw lill-applikanti magħżula biex ikopru l-ispejjeż addizzjonali relatati mal-istudju tagħhom barra minn Malta. L-ammont totali ta’ dawn il-boroż ta’ studju m’għandux jaċċedi €10,000 kull sena.
Sabiex ikunu eliġibbli għal dawn il-boroż ta’ studju, l-applikanti għandhom:
(i) ikollhom ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Istitut jew l-Università li fiha ser iwettqu l-istudju tagħhom;
(ii) ikunu ġew aċċettati għall-kors mill-istituzzjoni kkonċernata; u
(iii) fil-każ ta' applikanti li diġà jkunu bdew il-kors ta’ studji tagħhom, ikollhom prova li l-applikant għadda minn sena għall-oħra.
Kemm dawk l-istudenti li diġà bdew il-kors u dawk li jkunu se jibdew l-istudji tagħhom, jekk jintgħażlu, ikunu mitluba jiffirmaw ftehim li jorbothom biex iservu fis-Servizz Pubbliku għall-perjodu ta’ żmien kif imsemmi f’Appendiċi III tal-Manual on Staff Development in the Public Service. Kopja tal-ftehim tista’ titniżżel mis-sit elettroniku tal-Ministeru www.mrra.gov.mt
Dan ser isir biex aktar studenti jagħżlu t-triq li twassalhom biex jilħqu veterinarji. Dawn l-opportunitajiet qed jingħataw għax pajjiżna jeħtieġ li jkollu aktar veterinarji. L-irwol tal-veterinarju fi ħdan l-Unjoni Ewropea hu importanti għax din tenfasizza ħafna l-ħarsien tal-annimali, kif ukoll il-kwalità u standards tal-ikel.
Preżentament l-Universitá ta’ Malta ma toffrix kors li jwassal għal degree fl-istudji veterinarji u għalhekk, dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw f’din id-dixxiplina qed ikollhom jagħmlu dan f’istituzzjoni barra minn Malta bi spiża konsiderevoli. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern qed ifittex li jiffaċilità lil studenti Maltin li jagħmlu dan. Barra min hekk, l-oġġettiv long term huwa li parti mill-kors jibda jsir Malta. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-Gvern flimkien mal-Università ta’ Malta jinsab għaddej b’diskussjonijiet ma’ Universitajiet barranin intiżi sabiex jinħoloq kors konġunt li jippermetti li numru ta’ snin mill-kors fl-istudji veterinarji jsiru fl-Università ta’ Malta.
Applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lid-Direttur tal-People Management & Support Services, fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, Blokk A, Triq Francesco Buonamici, Floriana FRN 1700 sa mhux aktar tard minn nofsinhar ta’ nhar l-Erbgħa 30 ta’ Marzu 2011.
Aktar informazzjoni dwar dawn il-boroż ta’ studju tista’ tinkiseb ukoll mid-Direttorat tal-People Management & Support Services, Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fuq in-numru tat-telefon: 2299 7573/7519, jew bl-e-mail: mario.p.azzopardi@gov.mt
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003