Left arrow Mur Lura

IT-TIENI EDIZZJONI TAL-GOZO CUP BIS-SEHEM TA’ TIMIJIET STABBILITI MALTIN

pr0456
Date Icon 09/03/2011

Bejn il-25 u s-27 ta’ Marzu, il-Gozo Football Association flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, se torganizza t-tieni edizzjoni tal-Gozo Cup fil-Gozo Stadium f’Għawdex.

Waqt żjara li għamel fil-bini li se jservi ta’ sede għall-klabb ta’ Floriana FC, is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li t-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni tikkonferma l-impenn tas-Segretarjat tiegħu u tal-Gozo Football Association biex din il-kompetizzjoni tissaħħaħ u ssir appuntament annwali fil-kalendarju sportiv lokali.

Dan jidher mill-parteċipazzjoni tal-klabbs fejn filwaqt li s-sena l-oħra ppartecipaw tliet klabbs Maltin, din is-sena l-Gozo Cup se tkun kontestata minn selezzjoni tal-kampjonat Għawdxi, Floriana FC, Valletta FC, Ħamrun Spartans, Hibernians u Qormi FC.

Permezz ta’ polza li ttellgħet waqt il-konferenza stampa, il-klabbs parteċipanti nqasmu f’żewġ gruppi fejn fi Grupp A se jkun hemm Gozo FC, Valletta FC u Hibernians; filwaqt li Grupp B se jkun kompost minn Floriana FC, Ħamrun Spartans, u Qormi FC.

Fi programm li jibda fis-6pm, nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu jintlagħbu żewġ tournaments triangolari b’logħbiet ta’ 45 minuta ‘il waħda.  Il-Ħadd imbagħad ir-rebbieħa tal-gruppi rispettivi jikkontestaw il-finali, it-timijiet tat-tieni post jilagħbu għat-tielet u r-raba’ post, u dawk li jkunu spiċċaw l-aħħar fil-grupp jilagħbu għall-ħames post. 

Iż-żewġ play-offs u l-finali jkunu ta’ 90 minuta l-waħda bil-programm jibda fis-1pm u l-finali tintlagħab fil-5pm.

Minbarra dawn il-logħbiet se jkun hemm ukoll numru ta’ tournaments tal-kategoriji U/8, U/10 u U/12 f’numru ta’ grounds madwar Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li t-turiżmu sportiv huwa ferm importanti għal Għawdex u kompla li bil-faċilitajiet li għandna llum dan sar niċċa li għandha tiġi sfruttata aktar.  Huwa faħħar lil Gozo Football Association għax-xogħol li qed tagħmel f’dan ir-rigward fejn, fost l-oħrajn, irnexxielha ġġib f’Għawdex kompetizzjoni internazzjonali bħalma hija t-Tazza tar-Reġjuni.

Chris Said qal li l-iskop tal-Gozo Cup huwa wkoll li jgħin lit-turiżmu intern f’Għawdex fix-xhur meqjusa dgħajfa għat-turiżmu u hekk mhux biss tkun qed tingħata spinta lill-ekonomija Għawdxija iżda wkoll ikun qed isir pass ieħor biex Għawdex ma jibqax destinazzjoni turistika tas-sajf biss.  Hu rringrazzja lill-Gozo Channel li se tkun qed toffri roħs sostanzjali fuq il-biljett tal-vapur lejn Għawdex għal dawk il-partitarji Maltin li juru l-biljett li bih ikunu daħlu jaraw il-logħob.

Il-President tal-Gozo Football Assocation Alvin Grech irringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-għajnuna tiegħu u lill-klabbs parteċipanti għall-interess tagħhom fil-kompetizzjoni.  Huwa qal li l-Gozo Football Association se tkompli taħdem biex bħalma diġà għamlet, tkompli ssaħħaħ din il-kompetizzjoni annwali. 

Alvin Grech qal li kompetizzjoni bħal din tagħti l-opportunità lil uħud mill-players tal-kampjonat Għawdxi biex jilagħbu kontra l-aħjar players f’Malta u lid-dilettanti Għawdxin tal-football jaraw mill-qrib l-aħjar elementi tal-fooball Malti. 

Min-naħa tagħhom ir-rappreżentanti tal-klabbs parteċipanti qalu li huma sodisfatti bis-sehem tagħhom fil-Gozo Cup u qalu li permezz ta’ tournaments bħal dawn ikomplu jsaħħu r-rabta tagħhom ma’ Għawdex u mal-partitarji Għawdxin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow