IT-TIENI EDIZZJONI TAL-GOZO CUP BIS-SEHEM TA’ TIMIJIET STABBILITI MALTIN
Bejn il-25 u s-27 ta’ Marzu, il-Gozo Football Association flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, se torganizza t-tieni edizzjoni tal-Gozo Cup fil-Gozo Stadium f’Għawdex.
Waqt żjara li għamel fil-bini li se jservi ta’ sede għall-klabb ta’ Floriana FC, is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li t-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni tikkonferma l-impenn tas-Segretarjat tiegħu u tal-Gozo Football Association biex din il-kompetizzjoni tissaħħaħ u ssir appuntament annwali fil-kalendarju sportiv lokali.
Dan jidher mill-parteċipazzjoni tal-klabbs fejn filwaqt li s-sena l-oħra ppartecipaw tliet klabbs Maltin, din is-sena l-Gozo Cup se tkun kontestata minn selezzjoni tal-kampjonat Għawdxi, Floriana FC, Valletta FC, Ħamrun Spartans, Hibernians u Qormi FC.
Permezz ta’ polza li ttellgħet waqt il-konferenza stampa, il-klabbs parteċipanti nqasmu f’żewġ gruppi fejn fi Grupp A se jkun hemm Gozo FC, Valletta FC u Hibernians; filwaqt li Grupp B se jkun kompost minn Floriana FC, Ħamrun Spartans, u Qormi FC.
Fi programm li jibda fis-6pm, nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu jintlagħbu żewġ tournaments triangolari b’logħbiet ta’ 45 minuta ‘il waħda. Il-Ħadd imbagħad ir-rebbieħa tal-gruppi rispettivi jikkontestaw il-finali, it-timijiet tat-tieni post jilagħbu għat-tielet u r-raba’ post, u dawk li jkunu spiċċaw l-aħħar fil-grupp jilagħbu għall-ħames post.
Iż-żewġ play-offs u l-finali jkunu ta’ 90 minuta l-waħda bil-programm jibda fis-1pm u l-finali tintlagħab fil-5pm.
Minbarra dawn il-logħbiet se jkun hemm ukoll numru ta’ tournaments tal-kategoriji U/8, U/10 u U/12 f’numru ta’ grounds madwar Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li t-turiżmu sportiv huwa ferm importanti għal Għawdex u kompla li bil-faċilitajiet li għandna llum dan sar niċċa li għandha tiġi sfruttata aktar. Huwa faħħar lil Gozo Football Association għax-xogħol li qed tagħmel f’dan ir-rigward fejn, fost l-oħrajn, irnexxielha ġġib f’Għawdex kompetizzjoni internazzjonali bħalma hija t-Tazza tar-Reġjuni.
Chris Said qal li l-iskop tal-Gozo Cup huwa wkoll li jgħin lit-turiżmu intern f’Għawdex fix-xhur meqjusa dgħajfa għat-turiżmu u hekk mhux biss tkun qed tingħata spinta lill-ekonomija Għawdxija iżda wkoll ikun qed isir pass ieħor biex Għawdex ma jibqax destinazzjoni turistika tas-sajf biss. Hu rringrazzja lill-Gozo Channel li se tkun qed toffri roħs sostanzjali fuq il-biljett tal-vapur lejn Għawdex għal dawk il-partitarji Maltin li juru l-biljett li bih ikunu daħlu jaraw il-logħob.
Il-President tal-Gozo Football Assocation Alvin Grech irringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-għajnuna tiegħu u lill-klabbs parteċipanti għall-interess tagħhom fil-kompetizzjoni. Huwa qal li l-Gozo Football Association se tkompli taħdem biex bħalma diġà għamlet, tkompli ssaħħaħ din il-kompetizzjoni annwali.
Alvin Grech qal li kompetizzjoni bħal din tagħti l-opportunità lil uħud mill-players tal-kampjonat Għawdxi biex jilagħbu kontra l-aħjar players f’Malta u lid-dilettanti Għawdxin tal-football jaraw mill-qrib l-aħjar elementi tal-fooball Malti.
Min-naħa tagħhom ir-rappreżentanti tal-klabbs parteċipanti qalu li huma sodisfatti bis-sehem tagħhom fil-Gozo Cup u qalu li permezz ta’ tournaments bħal dawn ikomplu jsaħħu r-rabta tagħhom ma’ Għawdex u mal-partitarji Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003