Left arrow Mur Lura

IL-KUNSILLI LOKALI JINVOLVU LIR-RESIDENTI F’56 ATTIVITÀ TA’ TINDIF F’TEMP TA’ ĦAMES XHUR

pr0452
Date Icon 09/03/2011

Il-Kunsilli Lokali qed jieħdu inizjattiva varji biex iżommu l-lokalitajiet tagħhom indaf billi jinvolvu aktar lill-komunitajiet li jirrappreżentaw. Matul l-2010, Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi organizzaw 56 attività ta’ tindif fi spazju ta’ ħames xhur u fihom ħadu sehem eluf ta’ Maltin u Għawdxin - minn tfal sa sidien ta’ negozji. Dan kollu juri kemm il-Maltin u l-Għawdxin saru konxji tal-importanza li l-ambjent ta’ madwarna, it-toroq, l-ispazji pubbliċi, il-kampanja u x-xtajtiet, jinżammu nodfa sabiex jitgawdew minn kullħadd.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said qal dan hekk kif ippreżenta premjijiet lil tliet Kunsilli Lokali u żewġ Kumitati Amministrattivi għall-ħidma tagħhom u għall-inizjattivi li ħadu matul is-sena li għaddiet sabiex iżommu l-lokalitajiet tagħhom indaf u sabiex jippromwovu kultura favur l-indafa u r-riċiklaġġ fost ir-residenti tagħhom. Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fi Ġnien Ġużeppe Maria Camilleri fil-Kappara.

Il-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, Marsaskala u San Lawrenz ikklassifikaw f’din l-ordni fl-iskema Inizjattiva Premju Lokalitajiet Indaf. Għall-ewwel darba permezz tal-iskema ngħataw rikonoxximenti wkoll lill-Kumitati Amministrattivi minkejja li dawn ilhom jaħdmu tmien xhur biss. Il-Kumitati Amministrattivi li kisbu l-premju huma Santa Luċija f’Ta’ Kerċem u l-Kappara f’San Ġwann.

L-iskema kienet miftuħa għall-Kunsilli Lokali u l-Kumitat Amministrattivi kollha. B’kollox daħlu 53 applikazzjoni fosthom sitta minn Kumitati Amministrattivi.

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, li kiseb l-ewwel premju, ħa diversi inizjattivi. Waqt attività ta’ tindif madwar it-territorju tal-Mellieħa li jinkludi Selmun, l-Aħrax, Qasam Barrani, l-Manikata u Għajn Żejtuna, inġabru mal-ħames tunnellati ta’ skart varjat. Barra minn hekk kienet organizzata kampanja edukattiva dwar l-ambjent u l-indafa fil-lokalitajiet bis-sehem attiv tat-tfal li attendew is-summer school; kienu introdotti tabelli b’informazzjoni fl-ispazji pubbliċi, twaħħlu litter bins ġodda fil-bajja tal-Għadira sabiex tkun tista’ ssir is-separazzjoni tal-iskart; kienet organizzata attività ta’ tindif bil-parteċipazzjoni tal-għaqdiet tal-lokalità bħala parti mill-Iljieli Melleħin. Barra minn hekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa rnexxielu jakkwista l-istatus ta’ Beach of Quality għall-bajja tal-Għadira u l-għan aħħari hu li din tilħaq il-livell ta’ Blue Flag.

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ħa inizjattivi biex iżid il-ġbir ta’ skart organiku; biex jinkoraġixxi aktar is-separazzjoni tal-iskart; żied il-bring-in-sites, u s-servizzi tal-knis tal-promenade u l-ħasil u t-tindif tat-toroq; saret attività ta’ tindif f’qiegħ il-baħar;  u kienet organizzata Eko-Festa li matulha s-sidien tal-istabbilimenti kienu nkoraġġuti jisseparaw l-iskart fil-jiem tal-Festa ta’ Sant’Anna. Waqt din l-attività inġabru 320kg ta’ skart riċiklabbli.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz nieda l-karattri Wenz u Xmejxa – żewġ karattri li se jakkumpanjaw lit-tfal fl-għarfien u l-apparezzament tal-konfini tal-lokalità u f’kampanja edukattiva favur l-indafa. Matul ix-xhur li għaddew bdiet tingħata informazzjoni dwar kif San Lawrenz jista’ jinżamm aktar nadif. Saru intervisti ma’ familji Lawrenzjani dwar kif tista’ ssir ħidma flimien sabiex it-toroq u l-ambjent jinżammu nodfa.

Il-Kumitati Amministrattivi ta’ Santa Luċija u tal-Kappara ħadu inizjattivi li primarjament kienu jinvolvu kampanji ta’ informazzjoni fost ir-residenti. Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar il-ħidma ta’ dawn iż-żewġ Kumitati Amministrattivi li mindu bdew jaħdmu tmien xhur ilu diġà bdew jagħmlu d-differenza fil-komunitajiet rispettivi anki fil-qasam tal-indafa. Dan qed jagħmluh billi huma stess ikunu ta’ eżempju u fl-istess ħin billi jwasslu l-informazzjoni lir-residenti tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow