INVESTIMENT U IMPJIEGI FIL-KOTTONERA
“Il-Gvern għandu għal qalbu il-Kottonera u dan jissarraf fi proġetti kapitali privati kif ukoll pubbliċi li flimkien jinsġu ambjent iżjed b’saħħtu u li jtejbu il-kwalita’ tal-ħajja fil-Kottonera. Dan jissarraf fil-ħolqien ta’ iżjed impjiegi u ġenerazzjoni ta’ ġid” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi waqt żara tax-xogħlijiet li għadejjin mill-konsorzju Port Cottonera li qed imexxi l-kostruzzjoni ta’ lukanda ta’ lussu kif ukoll ir-restawr ta’ żewġ palazzi Barokki tas-Seklu 17.
Jason Azzopardi qal li dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ din l-iprem żona ta’ pajjiżna, jixhed fiduċja mill-privat, li ser tissarraf fil-ħolqien ta’ iżjed impjiegi. Is-Segretarju Parlamentari qal li huwa ippjanat li il-lukanda waħeda ser tibda tħaddem madwar 100 persuna, li jiżdiedu mal-180 persuna li jaħdmu fil-Casino bħalissa. 40 ħaddiem ieħor bħalissa huma involuti fuq il-kostruzzjoni tal-lukanda u r-restawr tal-Palazzi tal-Ordni.
Waqt iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari iddawwar mas-sit tal-kostruzzjoni, filwaqt li ġie muri il-pjanijiet tal-proġett kif huwa maħsub li jiġi. Il-lukanda lussuża, ser tkun ta’ 100 kamra, u ser tkun kompluta bis-servizzi u l-faċilitajiet kollha marbuta mas-settur tal-ospitalita’. Id-disinn tal-faċċata tal-lukanda huwa wieħed li jikkumplimenta iżjed milli jikkompeti mal-linearita tal-palazzi l-oħrajn tax-Xatt. Għal dan l-għan, qed jintużaw materjali tradizzjonali bħall-ġebla Maltija u aperturi tal-injam biex jikkumplimentaw l-istil.
Jason Azzopardi intwera ukoll il-palazzi li qed jiġu restawrati. Il-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni, u r-residenza tiegħu li jmorru lura ghas-Seklu 17, ġarrbu ħsarat fit-Tieni Gwerra Dinjija, u spiċċaw fi stat ta’ abbandun għal diversi snin. Dawn il-palazzi qed jiġu restawrati skond l-aqwa prattiċi tas-sengħa, b’mod li jiġi rispettat il-wirt li huma jirrappreżentaw, filwaqt li jaqdu l-funzjoni ta’ lukanda lussuża kontemporanja, f’żona ta’ livell għoli.
Bejn dawn iż-żewġ palazzi, qed jiġi mibni mill-ġdid taraġ li sat-Tieni Gwerra Dinjija kien jgħaqqad ix-xatt tal-Birgu ma’ Triq San Lawrenz li tagħti għaċ-ċentru tal-lokalita’. Dan it-taraġ qed jerġa jinbena biex jagħti lir-residenti tal-Birgu arterja importanti għal-lokalita tagħhom. Dan jixhed l-impenn sensittiv għad-dimensjoni soċjali tal-proġett.
Intant Jason Azzopardi innota kif il-proġett huwa maħsub li ser jiswa €18-il miljun li fl-ewwel sitt xhur tal-iżvilupp diġa intefqu minnhom €4 miljun. Il-proġett għandu jitlesta sa Ottubru tal-2013.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003