MAĦTURA KUMMISSARJU GĦALL-PROMOZZJONI TAL-UGWALJANZA
Is-Sinjura Maud Joan Muscat hi l-Kummissarju l-ġdid tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Il-ħatra tagħha saret mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, u hi għal perjodu sa Ġunju 2012.
Maud Muscat inħatret flok Dr. Romina Bartolo li kienet Kummissarju iżda irriżenjat biex tieħu kariga oħra fl-istess Kummissjoni.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza għandha d-dover li taħdem favur l-ugwaljanza bejn is-sessi fosthom billi tfassal politika relatata ma’ dan il-qasam, tidentifika fejn ikun hemm persuni żvantaġġjati minħabba s-sess tagħhom u tipproponi miżuri biex din id-diskriminazzjoni titneħħa, tiġġieled kontra l-fastidju sesswali fuq il-postijiet tax-xogħol, tinvestiga każi fejn ikun hemm allegazzjonijiet ta’ ksur tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa u toffri rimedji u tipproponi inizjattivi li jġibu ‘l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Kummissjoni hi responsabbli wkoll li tassigura li jkun hemm ugwaljanza bejn is-sessi għal dak li hu aċċess u provvista ta’ prodotti u servizzi u taħdem biex ikun hemm trattament ugwali fuq bażi ta’ razza u oriġini etnika.
Maud Muscat hi ggradwata mill-Università ta’ Malta u għandha Baċellerat fix-Xjenza u ieħor fl-Arti u Masters fl-Edukazzjoni barra li tħarrġet bħala għalliema fil-Mater Admirabilis Training College. Għallmet f’diversi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja u kkoordinat is-Servizz tal-Counselling fl-Iskejjel tal-Knisja. Kienet ukoll lecturer tal-PSD fl-Università ta’ Malta. Hi wkoll serviet fuq diversi Boards kemm governattivi kif ukoll ta’ Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, ippublikat diversi papers u pparteċipat f’konferenza nazzjonali u internazzjonali u tikkontribwixxi wkoll fi programmi fuq ir-radju.
Il-membri l-oħra tal-Kummissjoni huma Dr. Mariosa Vella Cardona, Dr. Monica Galea, Mario Mallia, Andrea Dibben, Mary Galea Debono u Dr. Vanni Xuereb.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003