IL-VIĊI PRIM MINISTRU L-ONOR. TONIO BORG F'LAQGĦAT IMPORTANTI FL-ITALJA
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin l-Onor. Tonio Borg qed jattendi għall-laqgħat fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fl-Italja rigward is-sitwazzjoni fil-Mediterran, partikolarment dwar is-sitwazzjoni fil-Libja. L-ewwel laqgħa kienet mas-Sotto Segretarju għall-Mediterran l-Onor Stefania Craxi. Matul din il-laqgħa ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Libja, is-sanzjonijiet li qed jiġu diskussi fuq livell Ewropew, kif ukoll il-laqgħa Ministerjali li jmiss f'Napli tal-5+5, il-grupp tal-pajjiżi tal-Mediterran tal-Punent, u s-summit tal-kapijiet tal-Gvern tal-istess pajjiżi li ser isir f'Malta.
Kien hemm qbil dwar diversi punti inkluż li l-preparamenti taż-żewg laqgħat tal-5+5 għandhom ikomplu.
Dwar is-sanzjonijiet kien hemm qbil li dawn ma għandhomx jolqtu jew iweġġgħu lill-poplu Libjan. Il-Ministru Malti tenna li filwaqt li Malta beħsiebha tkompli tgħin f'dik li hi assistenza umanitarja, mhiex lesta li sservi bħala bażi militari b'rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta' newtralità.
Il-Ministru Borg se jiltaqa' wkoll mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franco Frattini qabel ma ż-żewġ Ministri jattendu laqgħa ta' emerġenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea li se ssir f'nofs il-ġimgħa fi Brussell.
Sadattant il-Maltin kollha li xtaqu jirritornaw lura pajjiżhom għamlu dan ħlief għal 2 persuni li jinsabu fi triqthom lura lejn Malta.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003