Left arrow Mur Lura

24 INIZJATTIVA KONKRETA FAVUR IL-KONSUMATUR: IMĦABBRA L-ATTIVITAJIET GĦALL-JUM DINJI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR 2011

pr0439
Date Icon 07/03/2011

Fix-xhur li għaddew il-Gvern ta spinta liema bħalha lill-oqsma tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni. Il-ħidma għandha l-għan li tilħaq numru ta’ miri fosthom li jitħares il-konsumatur; li tingħata l-għodda meħtieġa lin-negozji biex joffru prodotti u servizzi ta’ kwalità; li jkunu mgħassa s-swieq u li tkun assigurata l-kompetizzjoni; li s-swieq jaħdmu aħjar; u li tissaħħaħ il-fiduċja bejn il-konsumatur u n-negozji. Dawn il-miri qed jintlaħqu billi matul ix-xhur li għaddew ittieħdu 24 inizjattiva konkreta favur il-konsumatur.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u mill-Kompetizzjoni Ġusta Chris Said meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru d-dettalji dwar l-attivitajiet għall-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur 2011. Hu kien akkumpanjat mill-Aġent Direttur tad-Dipartiment tal-Konsumatur u Kompetizzjoni, Godwin Mangion u miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Istandards, Francis E. Farrugia.

L-attivitajiet jinkludu attività għall-familja kollha li se ssir nhar il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2011 bejn 12pm u 6pm. Din l-attività se ssir fil-picnic area f’Ta’ Qali u se tkun tinkludi logħob, mużika, drama sport, ikel tradizzjonali u snajja’ Maltin. Matul l-attività se tkun qed titwassal informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur u dwar il-ħidma li qed issir f’dan il-qasam.

Se jkunu organizzati wkoll żewġ konferenzi. L-ewwel waħda se ssir it-Tlieta 8 ta’ Marzu fil-Grand Hotel fl-Imġarr Għawdex u t-tieni waħda se ssir it-Tlieta 15 ta’ Marzu f’The Palace f’Tas-Sliema. Dawn iż-żewg attivitajiet se jkollhom it-tema ‘Insaħħu l-Fiduċja bejn il-Konsumaturi u n-Negozji’ u fihom se jsiru preżentazzjonijiet dwar temi varji fosthom dwar il-kodiċi ta’ imġieba għan-negozji u dwar id-dritt tal-garanzija.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said irringrazzja lid-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni u lill-Awtorità Maltija għall-Istandards għall-ħidma importanti li wettqu tul ix-xhur li għaddew biex jippromwovu l-ħarsien tal-konsumatur.

Hu semma wkoll 24 inizjattiva konkreta favur il-konsumatur li ġew jew għadhom qed jiġu implimentati. Fost l-oħrajn irrefera għad-diskussjoni li qed issir fil-Parlament dwar it-twaqqif tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Id-diskussjoni tinsab fi stadju ta’ kumitat u s-Segretarju Parlamentari esprima t-tama li din tagħlaq f’qasir żmien.

Chris Said qal li dawn l-24 inizjattiva huma turija tal-impenn tal-Gvern li jpoġġi lill-konsumatur fuq nett tal-aġenda tal-ħidma tiegħu. Hu spjega li l-Gvern se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-fiducja bejn il-konsumatur u n-negozji.

L-24 inizjattiva favur il-konsumatur li ttieħdu fix-xhur li għaddew huma dawn:

1. l-introduzzjoni tal-liġi li twaqqaf l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur;

2. ir-roħs fil-prezzijiet ta’ 129 mediċina u l-ħidma biex fiż-żmien li ġej titħabbar lista oħra ta’ mediċini bi prezzijiet imraħħsa.

3. l-investigazzjoni ta’ prattiċi li jidhru li jistgħu ma jkunux ġusti jew anti-kompetittivi;

4. id-dħul fis-seħħ ta’ numru ta’ standards bħall-istandard nazzjonali fuq is-sigurtà fil-playing fields;

5. l-addozzjoni ta’ 1,627 standard Ewropew;

6. it-tħejjija ta’ linji gwida għall-bejjiegħa tal-ħut fit-toroq biex jassiguraw li din it-tradizzjoni Maltija tibqa’ b’saħħitha filwaqt li jitħares l-interess tal-konsumatur;

7. it-tnedija tal-applikazzjoni Howard li hi mezz kif tgħin lill-konsumatur jixtri b’aktar serħan tal-moħħ minn fuq l-internet.

8. id-dħul fis-seħħ ta’ regolamenti dwar consumer credit, li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur meta jiġi biex jissellef il-flus minn banek u entitajiet kummerċjali;

9. id-dħul fis-seħħ tal-metroloġija legali li permezz tagħha se jkun assigurat li kull apparat tal-kejl ikun qed jaħdem tajjeb, kif suppost, u ħadd ma jħallas iżjed milli hu obbligat għal xi prodott li jkun xtara;

10. id-dħul fis-seħħ ta’ Regolamenti dwar it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi intiżi biex dan ikun aktar effettiv u jasal għal deċiżjonijiet fi żmien iqsar;

11. beda x-xogħol fuq Liġi dwar class actions, intiża biex tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi li jsibu rimedju;

12. il-pubblikazzjoni tar-riżultati ta’ stħarriġ dwar it-tendenzi u d-drawwiet tal-Maltin fuq l-ikel li jieklu;

13. il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-marka CE;

14. il-kampanja ta’ informazzjoni sabiex il-liftijiet kemm f’postijiet residenzjali kif ukoll f’postijiet tax-xogħol jiġu regolarizzati u reġistrati skont il-liġi;

15. `il fuq minn 500 spezzjoni fi ħwienet u stabbilimenti oħra biex ikun aċċertat li l-konsumatur qed jingħata prodotti ġenwini u siguri;

16. spezzjonijiet ta’ madwar 2,000 prodott differenti sabiex ikun żgurat li l-prodotti mqegħda fuq is-suq ikunu konformi mal-liġijiet. Dawn il-prodotti jinkludu affarijiet tal-elettriku, ġugarelli, pestiċidi u kimiċi oħra, kosmetiċi, kif ukoll prodotti għad-djar u liftijiet; 

17. il-ħidma biex jitfassal standard nazzjonali ġdid dwar l-aċċessibilità f’postijiet pubbliċi;

18. l-għoti ta’ ċertifikazzjonijiet varji bħall-MSA EN ISO 9001 għall-immaniġġjar tal-kwalità u l-MSA EN ISO 14001 għall-immanniġġjar tal-kwalità fil-qasam tal-ambjent wara awditjar u testijiet diffiċli li għaddew minnhom numru ta’ kumpaniji;

19. l-għoti ta’ ċertifikazzjoni lil negozji li laħqu livelli għolja ta’ mmaniġġjar tal-kwalità fil-prodotti u fis-servizzi li joffru lill-konsumaturi;

20. beda x-xogħol biex joħorgu regolamenti dwar home-loans;

21. il-ħidma biex tiddaħħal il-marka ta’ fiduċja biex il-konsumatur ikun jaf liema negozji jagħtuh valur għal flusu.

22. beda x-xogħol biex jintbagħtu pubblikazzjonijiet ta’ tagħrif ġenerali lill-konsumaturi fi djarhom;

23. se jkun introdott award annwali għall-kwalità fl-industrija (Malta Quality Award);

24. bdiet kampanja ta’ informazzjoni mal-konsumaturi u l-professjonisti tas-saħħa dwar il-mediċini.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow