MESSAĠĠ MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, GĦALL-OKKAŻJONI TA’ JUM IL-MARA
Għaliex għadna, fit-8 ta’ Marzu ta’ kull sena, niċċelebraw Jum il-Mara? Għad hawn bżonn li l-mara jkollha jum fis-sena ddedikat għaliha? It-twegiba hi IVA. Sfortunatament, sal-lum il-mara għad ma waslitx fejn għandha tasal bi dritt.
Fuq bazi internazzjonali għad hawn pajjiżi u kulturi fejn id-drittijiet tan-nisa huma limitati ħafna jekk mhux nieqsa għal kollox. B’sens ta’ solidarjeta, f’dan il-jum, il-ħsieb tagħna jingħaqad magħhom aktar milli f’jiem oħra. Hekk ukoll inwegħdu l-impenn tagħna ta’ ħidma dejjem akbar fl-interess tan-nisa kollha li huma vittmi ta’ kull tip ta’ vjolenza.
Għalkemm fil-liġijiet tagħna tneħħiet kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, għad għandna prattiċi li jiddiskriminaw kontra l-mara. Filwaqt li neħħejna l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara u flokha ħloqna l-Kummissjoni għall-Ugwaljanza, għadna ta’ kuljum nassistu għal każi fejn il-mara m’hix trattata l-istess bħar-raġel.
Inħares ‘l quddiem lejn żminijiet fejn ma jkollniex bżonn niċċelebraw Jum il-Mara iżda lkoll flimkien irridu naħdmu ferm aktar biex jasal dan iż-żmien.
Saru avvanzi kbar minn meta l-ħiliet tal-mara kienu meqjusa bħala dawk marbutin mad-dar u mal-familja. Biżżejed jingħad li mill-2003 ‘l hawn, fi tmien snin, ir-rata ta’ nisa jaħdmu barra mid-dar żdiedet bi 11% u li l-aktar li ħarġu jaħdmu kienu nisa bejn il-25 u l-54 sena.
Inkoraġġanti wkoll hu l-fenomenu li aktar nisa milli rġiel qed ikomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena. Dan ifisser li għandna ħafna nisa li jridu jkomplu javvanzaw u jagħmlu karriera. U l-Gvern qed jgħin billi jkompli jintroduċi miżuri favur il-familja u joffri servizzi biex il-ġenituri bit-tfal ikollhom fejn iħallu ‘l uliedhom li jkunu ndukrati tajjeb waqt li huma jkunu qed jaħdmu jew jistudjaw.
Iżda minkejja dan, minn stħarriġ li sar mill-Unjoni Ewropea u li kien pubblikat fi Frar tas-sena l-oħra, 85% tal-Maltin li wieġbu għal dan l-istħarriġ għadhom jgħidu li r-responsabbilta ewelnija tal-mara hi fid-dar tieħu ħsieb it-tfal u l-familja. 68% tal-Maltin iqisu li hi ħaġa normali li r-raġel jipparteċipa anqas mill-mara fix-xogħol tad-dar.
Hi din il-kultura u din il-mentalita’ li rridu nghelbu qabel ma nistgħu nserrħu moħħna li ma għandniex għalfejn niċċelebraw Jum il-Mara għax in-nisa jkunu waslu fejn jixirqilhom u għandhom dritt jaslu.
Dan nistgħu nagħmluh bl-edukazzjoni u billi nibqgħu ffukati u naħdmu favur prattiċi li jirrikonoxxu u japprezzaw il-ħiliet u l-kwalitajiet tal-mara.
Għalhekk, filwaqt li nsellem lin-nisa kollha Maltin u Għawdxin, bħala Ministru responsabbli għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, inġedded l-impenn tiegħi li nkompli naħdem biex il-mara Maltija takkwista l-post li verament jixirqilha fis-soċjeta’ tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003