Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, GĦALL-OKKAŻJONI TA’ JUM IL-MARA

pr0435
Date Icon 07/03/2011

Għaliex għadna, fit-8 ta’ Marzu ta’ kull sena, niċċelebraw Jum il-Mara?  Għad hawn bżonn li l-mara jkollha jum  fis-sena ddedikat għaliha?  It-twegiba hi IVA.  Sfortunatament, sal-lum il-mara għad ma waslitx fejn għandha tasal bi dritt. 

Fuq bazi internazzjonali għad hawn pajjiżi u kulturi fejn id-drittijiet tan-nisa huma limitati ħafna jekk mhux nieqsa għal kollox. B’sens ta’ solidarjeta, f’dan il-jum, il-ħsieb tagħna jingħaqad magħhom aktar milli f’jiem oħra. Hekk ukoll inwegħdu l-impenn tagħna ta’ ħidma dejjem akbar fl-interess tan-nisa kollha li huma vittmi ta’ kull tip ta’ vjolenza.

Għalkemm fil-liġijiet tagħna tneħħiet kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, għad għandna prattiċi li jiddiskriminaw kontra l-mara. Filwaqt li neħħejna l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara u flokha ħloqna l-Kummissjoni għall-Ugwaljanza, għadna ta’ kuljum nassistu għal każi fejn il-mara m’hix trattata l-istess bħar-raġel. 

Inħares ‘l quddiem lejn żminijiet fejn ma jkollniex bżonn niċċelebraw Jum il-Mara  iżda lkoll flimkien irridu naħdmu ferm aktar biex jasal dan iż-żmien.

Saru avvanzi kbar minn meta l-ħiliet tal-mara kienu meqjusa bħala dawk marbutin mad-dar u mal-familja. Biżżejed jingħad li mill-2003 ‘l hawn, fi tmien snin, ir-rata ta’ nisa jaħdmu barra mid-dar żdiedet bi 11% u li l-aktar li ħarġu jaħdmu kienu nisa bejn il-25 u l-54 sena.

Inkoraġġanti wkoll hu l-fenomenu li aktar nisa milli rġiel qed ikomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena.  Dan ifisser li għandna ħafna nisa li jridu jkomplu javvanzaw u jagħmlu karriera. U l-Gvern qed jgħin billi jkompli jintroduċi miżuri favur il-familja u joffri servizzi biex il-ġenituri bit-tfal ikollhom fejn iħallu ‘l uliedhom li jkunu ndukrati tajjeb waqt li huma jkunu qed jaħdmu jew jistudjaw.

Iżda minkejja dan, minn stħarriġ li sar mill-Unjoni Ewropea u li kien pubblikat fi Frar tas-sena l-oħra, 85% tal-Maltin li wieġbu għal dan l-istħarriġ għadhom jgħidu li r-responsabbilta ewelnija tal-mara hi fid-dar tieħu ħsieb it-tfal u l-familja.  68% tal-Maltin iqisu li hi ħaġa normali li r-raġel jipparteċipa anqas mill-mara fix-xogħol tad-dar.

Hi din il-kultura u din il-mentalita’ li rridu nghelbu qabel ma nistgħu nserrħu moħħna li ma għandniex għalfejn niċċelebraw Jum il-Mara għax in-nisa jkunu waslu fejn jixirqilhom u għandhom dritt jaslu.

Dan nistgħu nagħmluh bl-edukazzjoni u billi nibqgħu ffukati u naħdmu favur prattiċi li jirrikonoxxu u japprezzaw il-ħiliet u l-kwalitajiet tal-mara.

Għalhekk, filwaqt li nsellem lin-nisa kollha Maltin u Għawdxin, bħala Ministru responsabbli għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, inġedded l-impenn tiegħi li nkompli naħdem biex il-mara Maltija takkwista l-post li verament jixirqilha fis-soċjeta’ tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow