PJAN SOSTENIBBLI LI JIPPROMWOVI STILI TA’ ĦAJJA SANA
Proġett imħaddem bejn seba’ Kunsilli Lokali u l-Kulleġġ Santa Tereża
Seba’ Kunsilli Lokali u s-seba’ skejjel tal-Kulleġġ Santa Tereża qed jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni ta’ proġett maħsub biex tinħoloq strateġija sostenibbli fil-komunitajiet li jirrappreżentaw. Il-proġett imsejjaħ ‘Minn barra sa ġewwa ... komunità waħda favur stili ta' ħajja sana’, iħeġġeġ dieta tajba u l-konsum ta’ ikel bnin, iħajjar lin-nies jagħmlu aktar attività fiżika, u jieħu inizjattivi favur l-ambjent billi jiżdiedu s-siġar indiġeni u billi l-iskart ikun separat għar-riċiklaġġ. Minn din l-istrateġija se jgawdu setturi differenti tas-soċjetà - it-tfal, iż-żgħażagħ, l-adulti u l-anzjani.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha s-Sindki ta’ Birkirkara, Santa Venera, l-Iklin, Ħal Lija, Ħal Balzan, l-Imsida u Ta’ Xbiex, flimkien mal-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Tereża Frank Fabri u l-kapijiet tal-iskejjel li jagħmlu parti minnu, ippreżentaw uffiċjalment il-proġett. Il-proġett qed isir bl-għajnuna finanzjarja tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali permezz tal-iskema ta’ Finanzjament għal Lokalitajiet Sostenibbli.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said faħħar l-inizjattiva ta’ dan il-konsorzju ta’ Kunsilli Lokali u skejjel li qed jaħdmu flimkien biex jassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħhom. Hu qal li għal komunitajiet rurali l-innovazzjoni tista’ tkun iċ-ċavetta tas-sostenibbilità, kif diġà qed juru lokalitajiet bħal Ħad Dingli u San Lawrenz bl-implimentazzjoni tar-rapporti sostenibbli li ppreżentaw fix-xhur li għaddew.
Chris Said qal li fil-każ ta’ dawn il-lokalitajiet fiċ-ċentru ta’ Malta, li flimkien jiffurmaw ċentru urban estensiv, l-enfasi għandha tkun fuq l-informazzjoni, l-azzjoni u fuq l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet biex tiżdied il-kuxjenza favur l-ambjent u favur stil ta’ ħajja attiv. Hu qal li din l-istrateġija hi essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-lokalitajiet fis-snin li ġejjin. Hu ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jassiguraw it-twettiq tal-proposti li ħarġu minn dawn ir-rapporti.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Gvernijiet Lokali għandhom rwol edukattiv ewlieni fil-ħidma lejn żvilupp sostenibbli. Dan għaliex huma l-eqreb entitajiet amministrattivi u eżekuttivi għaċ-ċittadini. Hu qal li s-suċċess tal-kisbiet tal-Kunsilli Lokali għandhom jitkejlu min-numru ta’ inizjattivi pożittivi li jieħdu u mill-effett li dawn iħallu fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Tereża Frank Fabri spjega l-ħidma li qed issir f’dan il-proġett. Diġà twaqqaf network bejn l-imsieħba involuti, tfassal pjan strateġiku, tlesta sit elettroniku u bdiet il-kampanja ta’ informazzjoni. Fil-futur se jkunu organizzati numru ta’ attivitajiet għall-familja kollha. Aktar dettalji dwar il-proġett jistgħu jinkisbu wkoll mis-sit elettroniku www.hajjasana.com li tnieda llum stess.
Dan il-pjan hu biss wieħed minn ħdax-il pjan sostenibbli li qed jitfasslu bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Il-pjani ta’ San Lawrenz, Ħad Dingli u l-Ħamrun diġà tlestew filwaqt li bħalissa seba’ Kunsilli Lokali, b’mod individwali, qed ifasslu l-pjani tagħhom. Dawn huma l-Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Għajnsielem, l-Għarb, il-Kalkara, Ħal Kirkop, il-Mellieħa u r-Rabat f’Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003