AVVANZAT IX-XOGĦOL FUQ BIRD PARK LI QED ISIR B’GĦAJNUNA MINN FONDI EWROPEJ U NAZZJONALI
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino, akkumpanjat mill-Assistent Parlamentari Philip Mifsud żar ix-xogħol fuq Bird Park fl-inħawi tas-Salini. Dan il-Park qed isir b’investiment ta’ €380,000 li minnhom €190,000 ġejjin minn fondi Ewropej u Nazzjoniali.
Il-Proġett tal-Bird Park għandu l-għan li jkabbar u jtejjeb kollezzjoni privata eżistenti ta’ għasafar u riżerva naturali f’park b’tema naturali orjentat lejn viżitaturi lokali kif ukoll barranin. Dan il-park immexxi b’mod privat ser jgħin biex jiddiversifika u jkabbar il-prodott turistiku ta’ Malta. Il-park ser iservi wkoll bħala post edukattiv li jenfasizza s-sbuħija tal-bijodiversità, il-bżonn tal-konservazzjoni u l-valur tal-wirt naturali ta’ Malta.
Il-Ministru Pullicino fakkar kif dan il-proġett jifforma parti minn investiment qawwi ta’ €33 miljun minn fondi Ewropej f’proġetti b’rabta mal-agroturiżmu, konservazzjoni u titjib tal-wirt rurali tal-pajsaġġ Malti. Dawn il-proġetti qed jiġu ko-finanzjati taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Izvilupp Rurali permezz tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013. Il-proġetti ffinanzjati permezz ta’ din l-għajnuna se jgħinu sabiex isir titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji fiż-żoni rurali. Din l-għajnuna tikkumplimenta żvilupp sostenibbli u użu effiċjenti tar-riżorsi li jinsabu f’dawn iz-żoni rurali biex b’hekk jiġi żviluppat il-prodott turistiku f’dawn iż-żoni.
B’ kollox huma 22 lokalità li qed jibbenifikaw minn dawn il-fondi fejn diversi proġetti sejrin iwasslu sabiex issir konservazzjoni u t-titjib tal-wirt naturali kif ukoll dak kulturali li jinsab f’żoni rurali madwar Malta u Għawdex. L-għan ta’ din il-miżura hu li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja f’żoni rurali billi jiġi ppreservat u żviluppat il-pajsaġġ rurali tal-gżejjer Maltin. Permezz tal-għajnuna mogħtija mill-Pjan għal-iżvillupp Rurali jkun possibbli jsir investiment għall-konservazzjoni, restawr u titjib tal-wirt naturali u kulturali, li jagħmlu parti mill-wirt nazzjonali.
Dan l-iżvilupp tal-Bird Park qed jikkumplimenta l-ambjent naturali u l-bijodiversità ta’ pajjiżna, kif ukoll jikkontribwixxi soċjalment billi jipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim u tagħrif lil studenti, familji u turisti li jżuru dan il-post.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003