FL-2010 GĦAWDEX IRRIĊIKLA 382 TUNNELLATA TA’ SKART MILL-BRING-IN SITES - IL-KUNSILL LOKALI TAX-XEWKIJA JWETTAQ 11-IL INIZJATTIVA PERMEZZ TA’ FONDI MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI RESPONSABBLI MILL-KUNSILLI LOKALI
Matul l-2010, l-Għawdxin bagħtu 382 tunnellata ta’ skart għar-riċiklaġġ. Dan għamluh billi użaw waħda mill-bring-in sites li hemm imxerrdin fl-irħula tal-gżira u li jitħaddmu mill-Kunsilli flimkien mal-operaturi privati. Statistika turi kif l-Għawdxin irriċiklaw 205 tunnellati ta’ ħġieġ, 93 tunnellata ta’ karta, 62 tunnellata ta’ plastik u 20 tunnellata ta’ metall. It-tliet lokalitajiet tax-Xewkija, ix-Xagħra u Ta’ Sannat, bejniethom, irriċiklaw 91 tunnellata ta’ skart.
Id-dettalji ngħataw waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said għamel fix-Xewkija fejn iddawwar mis-Sindku Monica Vella fuq diversi proġetti li wettaq u li qed iwettaq il-Kunsill Lokali. Wieħed mill-proġetti kien jinvolvi bring-in sites taħt l-art li huma ferm aktar prattiċi u l-impatt viżwali hu anqas negattiv mill-bring-in sites normali. Dan hu wieħed minn erba’ bring-in sites li hemm fil-lokalità.
Waqt iż-żjara ntqal li bejn l-2009 u l-2010 l-Kunsill Lokali tax-Xewkija beda jaħdem fuq 11-il inizjattiva differenti permezz ta’ skemi differenti imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali. B’kollox dan il-Kunsill Lokali se jkun irċieva 144,000 Ewro minn skemi varji li jiżdiedu mal-allokazzjoni finanzjarja annwali. Uħud minn dawn l-inizjattivi tlestew filwaqt li oħrajn għadhom qed jitwettqu.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsilli Lokali llum għandhom responsabbiltajiet varji u ħafna minnhom qed jieħdu inizjattivi f’oqsma bħall-edukazzjoni, il-kultura, l-ambjent u l-qasam soċjali. Il-Gvern iqis il-Kunsilli Lokali bħala l-entitajiet amministrattivi li l-aktar jafu u jifhmu l-ħtiġijiet tal-lokalitajiet li jirrappreżentaw u għaldaqstant ċertu deċiżjonijiet fuq livell lokali għandhom jittieħdu minnhom.
Fix-xhur li għaddew il-Kunsill Lokali tax-Xewkija utilizza fondi mill-iskema ta’ Fondi għal Proġetti Speċjali li permezz tagħha bena faċilitajiet ġodda fil-playing field fi Triq Ħamrija. Bi sħab mal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat, il-Kunsill Lokali tax-Xewkija qed jaħdmu fuq il-Proġett Reġjonali tal-Wied ta’ Mġarr ix-Xini u biex iwettqu qed igawdu flimkien mill-Iskema ta’ Finanzjament ta’ Proġetti Speċjali f’Lokalitajiet Żgħar.
Il-Kunsill Lokali tax-Xewkija kellu ħames toroq approvati biex isiru permezz tal-iskema tal-Public Private Partnership. Ix-xogħol fuq dawn it-toroq beda u mistenni jkun lest fi ftit ġimgħat oħra. Chris Said qal li l-Gvern qed jipprovdi r-riżorsi lill-Kunsill Lokali u issa jridu jkunu huma li jassiguraw li x-xogħlijiet isiru għall-ġid tar-residenti.
Mill-iskema ta’ Għajnuna għal-Libreriji Lokali, il-Kunsill Lokali tax-Xewkija kiseb għajnuna biex jaġġorna l-librerija u jixtri numru ta’ kotba ġodda. Proġetti oħra li l-Kunsill Lokali tax-Xewkija qed iwettaq bl-għajnuna tal-iskemi tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali jinkludu l-organizzazzjoni tal-attività kulturali Fiori d’Argenta, tal-Festival tal-Karnival, ta’ kampanja dwar l-indafa, ta’ korsijiet fl-Ingliż u ta’ numru ta’ attivitajiet sportivi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003