Left arrow Go Back

MIRA BIEX 15% TAL-POPOLAZZJONI ADULTA TIBQA’ TISTUDJA

pr0407
Date Icon 02/03/2011

Sal-2020 15% tal-popolazzjoni adulta f’Malta trid tkun qed tistudja u s’issa diġà lħaqna nofs din il-mira. Dan qalitu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina meta dalgħodu żaret iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni tal-Adulti u ltaqgħet ma’ persuni li qed jattendu korsijiet f’dan iċ-ċentru mmexxi mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja fi ħdan il-Ministeru.

Il-Ministru Cristina qalet li l-edukazzjoni għall-adulti hi meqjusa bħala proċess essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali partikolarment f’kuntest ta’ globalizzazzjoni.

L-edukazzjoni tal-Adulti għandha importanza ewlenija fl-Aġenda ta’ Lisbona u fl-istrateġija Ewropea għall-2020. Dan hu qasam importanti għat-titjib tal-kapital uman wara l-edukazzjoni obbligatorja u għalhekk irid jingħata każ tiegħu fit-tfassil ta’ politika dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi.

F’Malta rridu naħdmu biex sal-2020 jkollna almenu 15% tal-popolazzjoni bejn il-25 u l-64 sena li tkun għadha tistudja.  Hu kalkulat li l-poplazzjoni adulta f’Malta fis-sena 2020 tkun ta’ madwar 213,000 u allura jrid ikollna madwar 32,000 adult li qed jipparteċipaw f’xi forma ta’ attività ta’ tagħlim sew formali, informali jew mhux formali.

Anqas minn sentejn ilu l-Gvern waqqaf id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li waħda mill-ħidmiet tiegħu hi li jipprovdi edukazzjoni għall-adulti.  Id-Direttorat waħdu, bil-korsijiet li joffri, diġà jipprovdi għat-tagħlim ta’ ftit aktar minn 3% tal-popolazzjoni filwaqt li entijiet oħra jipprovdu għal 4% tal-popolazzjoni.  Dan ifisser li għadna nofs triq għal dak li jinħtiġilna naslu għalih sal-2020.

F’din is-sena skolastika hemm 9,932 adult reġistrat f’xi wieħed mill-korsijiet li minnhom 34% huma rġiel u 66% nisa.

51% qed jieħdu korsijiet ta’ natura akkademika jew fit-teknoloġija tal-informazzjoni; 37% korsijiet fl-arti viżiva u performattiva u 12% korsijiet fl-artiġġjanat.  65% tal-istudenti huma fl-età bejn il-25 u s-64 sena filwaqt li 35% biss huma taħt l-24 sena.  L-aktar persuna anzjana li tattendi dawn il-korsijiet għandha 86 sena.

Fiċ-Ċentru tat-Tagħlim tal-Adulti ta’ matul il-jum hemm reġistrati 654 persuna li hu aktar mid-doppju ta’ dawk li kienu jattendu fl-2004.  Iċ-Ċentru jipprovdi 18-il kors differenti li 7 minnhom huma fit-tagħlim ta’ lingwi differenti.  L-aktar kors popolari f’dan iċ-ċentru hu dak tal-Filosofija.

Il-korsijiet li jipprovdi d-Direttorat huma sussidjati bil-qawwi mill-Gvern.  Il-medja tal-ħlas hi ta’ €35 għal kors ta’ 32 ġimgħa filgħaxijiet – ftit aktar minn €1 fil-ġimgħa.  Il-ħlas għall-korsijiet ta’ matul il-jum hu biss ta’ €11.65 għal kors ta’ 32 ġimgħa filwaqt li dawk li għandhom il-Kartanzjan ma jħallsu xejn għall-ewwel kors li jagħmlu.

Tajjeb jingħad ukoll li d-Direttorat qed jaħdem mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki biex il-korsijiet li jipprovdi jingħataw livell u ċertifikazzjoni li jkunu rikonoxxuti fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u fil-fatt is-sena li għaddiet numru sabiħ ta’ adulti li temmew il-korsijiet tagħhom ħadu dan iċ-ċertifikat.

Fi tmiem iż-żjara tagħha l-Ministru Cristina inawgurat Librerija fl-istess Ċentru u għamlet donazzjoni ta’ numru ta’ kotba għal din il-librerija.  Mario Azzopardi, Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja rringrazzja lill-Ministru għal din iż-żjara u għall-kotba li tat għal-librerija taċ-ċentru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow