Left arrow Mur Lura

NILTAQGĦU MA’ KIKKU F’MALTA

pr0398
Date Icon 01/03/2011

Il-mascot Kikku, li huwa l-vuċi tat-tfal fi ħdan il-viżjoni eko-Għawdex, qasam il-fliegu u ltaqa’ mat-tfal f’Malta. Kif ġara meta dan il-karattru kien introdott f’Għawdex eżattament xahar ilu, Kikku rnexxielu jiġbed is-simpatija tat-tfal f’Malta waqt attività li ġiet organizzata mill-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura.

L-attività bdiet minn Pjazza Kastilja fejn Kikku ltaqa’ ma’ madwar 50 tifel u tifla li jattendu l-klassijiet tal-kindergarten fl-Iskola Primarja tal-Belt Valletta fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Huma akkumpanjaw lil Kikku f’mixja tul parti minn triq ir-Repubblika, għal triq Melita u ‘l fuq minn Triq il-Merkanti li wasslithom sal-uffiċċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-Berġa tal-Italja. It-tfal xejru bnadar ikkuluriti stampati b’messaġġi relatati mal-viżjoni eko-Għawdex u b’hekk taw dehra mhux tas-soltu fiċ-ċentru tal-Belt Valletta permezz ta’ din l-attività.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex flimkien mal-Onor. Mario DeMarco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, laqgħu lil miġemgħa ta’ tfal u għalliema flimkien ma’ Kikku fl-entratura tal-Berġa tal-Italja. Din l-entratura ġiet mibdula f’ambjent rurali mżewwaq b’xeni msejsa fuq tpinġijiet u kitbiet li saru mit-tfal tal-iskejjel primarji Għawdxin matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar eko-Għawdex. Dawn ġew riprodotti b’mod kreattiv u kkulurit ikkumplimentat minn xenarju naturali tipiku li joffri dehra mhux tas-soltu ġo din is-sala storika, li fost oħrajn tilqa’ bosta turisti u persuni impenjati fil-qasam turistiku b’mod regolari.

Din il-wirja ġiet imtellgħa f’Malta wara li f’dan l-aħħar xahar serviet bħala attrazzjoni għal bosta tfal u studenti flimkien ma’ viżitaturi oħrajn ġewwa s-sala tal-wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex. Kienet ukoll strumentali fit-tixrid ta’ aktar għarfien dwar il-kunċett ta’ eko-Għawdex u kif dan ġie milqugħ mit-tfal u studenti Għawdxin. It-twaqqif ta’ din l-esebizzjoni f’Malta għandu l-għan li bl-istess mod ixerred aktar għarfien dwar eko-Għawdex ankè fost tfal, studenti u nies aktar adulti f’Malta. Dan biex iwassal ukoll il-messaġġ li l-viżjoni eko-Għawdex mhijiex biss marbuta mal-gżira ż-żgħira iżda għandha wkoll importanza fuq bażi nazzjonali speċjalment fir-rigward tal-qasam turistiku.

L-Onor. Giovanna Debono wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod ta’ kif ġiet organizzata l-laqgħa ta’ Kikku mat-tfal Maltin u esprimiet l-apprezzament għall-kollaborazzjoni mis-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura kif ukoll mill-Iskola Primarja tal-Belt fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Il-Ministru spjegat kif Kikku ser ikun il-vuċi tat-tfal għal eko-Għawdex u se jservi bħala l-punt ta’ riferiment għat-tfal Maltin u Għawdxin kollha biex iwassal l-vuċi tagħhom f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-viżjoni eko-Għawdex. Spjegat ukoll il-messaġġi li qed ikunu promossi fuq il-bnadar li ngħataw lit-tfal u kif dawn ser iwasslu biex kulħadd jifhem aktar l-importanza tagħhom. Dawn il-messaġġi jirreferu kif oqsma indirizzati fil-ħidma tal-pjan ta’ azzjoni marbut ma’ eko-Għawdex iwasslu għal żvilupp sostenibbli li filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fuq il-gżira għall-ġenerazzjonijiet tal-preżent ma jikkompromettix is-sbuħija naturali, storika u kulturali tal-gżira biex dawn ikomplu jistgħu jibqgħu jitgawdew fil-futur. Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għall-messaġġi tat-tfal Għawdxin, li wħud minnhom ġew riprodotti jew inkitbu mit-tfal stess fuq il-boards  li hemm fil-wirja, u spjegat kif ix-xewqat li esprimew juru biċ-ċar li dawn iridu dak li hemm propost fil-viżjoni eko-Għawdex.

Fid-diskors tiegħu l-Onor. Mario DeMarco spjega kif il-kunċett eko-Għawdex huwa wkoll marbut mat-tisħiħ tal-prodott turistiku Għawdxi li huwa kumplimentari għall-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Filwaqt li fisser kif il-qasam turistiku Għawdxi jattira turisti kemm mis-settur domestiku kif ukoll minn dak barrani, l-Onor DeMarco qal li dan jikkonferma r-raġuni għaliex ġiet organizzata kemm l-attività mat-tfal kif ukoll il-wirja li ġiet inawgurata fil-Berġa tal-Italja. Mario de Marco, qal li Għawdex għandu rwol importanti fil-qasam ambjentali. Il-viżjoni tal-Gvern għal eko-Għawdex tagħti direzzjoni lill-iżvilupp ambjentali ta’ pajjiżna. Hu tkellem dwar il-importanza  tal-edukazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Viżjoni tal-Gvern biex Għawdex isir gżira ekoloġika. Tenna li l-għalliema u l-ġenituri għandhom rwol ċentrali fl-edukazzjoni tat-tfal biex minn età żgħira jkunu konxji tal-ambjent u l-ħarsien tiegħu.

Fi tmiem l-attività l-Onor. Mario DeMarco u mistednin oħra żiedu l-messaġġi tagħhom flimkien ma’ dawk li kienu nkitbu f’Għawdex. Din il-wirja ser tkun miftuħa għall-pubbliku fl-entratura tal-Berġa tal-Italja bejn l-1 u l-31 ta’ Marzu 2011 bejn id-9.00 ta’ filgħodu u s-12.45 ta’ wara nofsinhar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow