DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-LEARNING EXPO – MFCC, TA’ QALI – IT-TLIETA, 01 TA’ MARZU 2011
L-istatistika qed turina li l-ħidma kbira li qed nagħmlu biex aktar studenti jibqgħu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena, qiegħda tagħti l-frott. In-nurmu ta’ dawk li jitlqu l-istudji wara li jispiċċaw l-iskola sekondarja qed jonqos kull sena. Dawn ir-riżultati ma jinkisbux mix-xejn iżda b’riżultat ta’ ħidma koordinata u determinata.
Din il-Learning Expo li fiha nuru liż-żgħażagħ x’possibbiltajiet ta’ studji jeżistu kif ukoll l-esperjenza tal-Job Shadowing f’diversi oqsma żgur li huma fatturi li jgħinu biex aktar nies jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw.
Għalhekk hu ta’ pjaċir għalija li dalgħodu qed ninawguraw it-tieni edizzjoni ta’ din il-Learning Expo li fiha qed nipprovdu informazzjoni dwar il-firxa kbira ta’ possibiltajiet ta’ studju kemm għal studenti tal-ħames sena li jridu jkomplu fil-livell post sekondarju, kemm għal dawk fil-livell post sekondarju li jridu jimxu għal-livell terzjarju kif ukoll għall-dawk li jixtiequ jkomplu jistudjaw wara li jiksbu l-ewwel grad biex jagħmlu Masters jew Dottorat u anke għal adulti li jridu jkomplu jitgħallmu tul ħajjithom.
F’dawn il-ġranet, taħt saqaf wieħed, min iżur din il-Fiera se jkun jista’ jara x’korsijiet jeżistu fil-qasam tat-turiżmu u l-ospitalità, fil-qasam tas-saħħa, fl-arti u l-kultura, servizzi fil-komunità, fil-qasam vokazzjonali, fl-informatika, il-finanzi u l-qasam tal-kummerċ u anke fl-industrija tal-avjazzjoni, fost affarijiet oħra.
Dak li hu aktar importanti u ta’ sodisfazzjon hu li kull wieħed mill-korsijiet li dwarhom jista’ jinkiseb tagħrif mill-25 stand li hawn fil-Fiera, huma kollha korsijiet rikonoxxuti miċ-Ċentru Malti għar-rikonoxximent tal-Kwalifiki u kull kors għandu livell kif stabbilit mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.
Barrra minn entijiet u organizzazzjonijiet li joffru korsijiet ta’ studji, se jkun hawn ukoll preżenza ta’ entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni fosthom id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi, id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, l-Aġenzija għall-Programmi tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.
Dawn kollha se jkunu hawn taħt saqaf wieħed biex jagħtu pariri u jgħinu u jiggwidaw lil dawk li jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom.
M’għandix dubju li kull entità rappreżentata f’din il-Learning Expo, għandha x’toffri lil min iżurha. Iżda għal dawk li huma interessati f’xi qasam tal-Arti, inħeġġiġhom biex jaslu wasla fl-istand tad-Direttorart għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li għadu kif nieda l-iskema ta’ Boroż ta’ Studju fl-Arti maħsuba biex jgħinu persuni li jixtiequ jispeċjalizzaw f’dan il-qasam, biex ikomplu jistudjaw, anke barra minn Malta. Din hi t-tieni sena li qed inniedu din l-iskema li permezz tagħha s-sena li għaddiet tajna għajnuna lil 14-il persuna.
Mil-lum sa nhar is-Sibt, se nkunu hawn biex niltaqgħu mal-istudenti u l-għalliema, il-ġenituri u l-adulti li kollha għandhom isibu xi ħaġa li tinteressahom f’din il-Fiera ta’ opportunitajiet ta’ studju. Fiera li se tkompli tiftaħ beraħ orizzonti ġodda għal dawk li jixtiequ jkomplu jistudjaw.
Il-pajjiż jinħtieġ li aktar nies ikomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja. Għandna bżonn ukoll li aktar nisa jirritornaw jew jidħlu għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol. Biex jagħmlu hekk iridu jkunu preparati u allura din il-Learning Expo għandha tkun ta’ iinteress anke għalihom.
Dawk li diġà għandhom impjieg iżda jixtiequ jtejjbu l-pożizzjoni tagħhom ukoll għandhom isibu din il-Learning Expo ta’ interess kbir għalihom. Għalhekk ħsibna biex din il-Fiera tibqa’ miftuħa anke nhar il-Ġimgħa sat-8.30 pm u s-Sibt fil-għodu, biex ġenituri li jridu jirritornaw ma’ uliedhom jew adulti u nies li jaħdmu u jixtiequ jżuruha, jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan.
Filwaqt li nirringrazzja lill-Kumitat Organizattiv, lill-entitajiet li qed jipparteċipaw u lit-taqsima tal-Counselling u Guidance li qed jagħtu s-sehem tagħhom mal-istudenti li jiġu hawn, nawgura li din it-tieni edizzjoni tal-Learning Expo tkun suċċess daqs l-ewwel waħda u forsi aktar u sservi biex aktar nies jaħtfu l-opportunitajiet ta’ tagħlim li jeżistu f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003