Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-LEARNING EXPO – MFCC, TA’ QALI – IT-TLIETA, 01 TA’ MARZU 2011

pr0396
Date Icon 01/03/2011

L-istatistika qed turina li l-ħidma kbira li qed nagħmlu biex aktar studenti jibqgħu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena, qiegħda tagħti l-frott. In-nurmu ta’ dawk li jitlqu l-istudji wara li jispiċċaw l-iskola sekondarja qed jonqos kull sena. Dawn ir-riżultati ma jinkisbux mix-xejn iżda b’riżultat ta’ ħidma koordinata u determinata.

Din il-Learning Expo li fiha nuru liż-żgħażagħ x’possibbiltajiet ta’ studji jeżistu kif ukoll l-esperjenza tal-Job Shadowing f’diversi oqsma żgur li huma fatturi li jgħinu biex aktar nies jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw.

Għalhekk hu ta’ pjaċir għalija li dalgħodu qed ninawguraw it-tieni edizzjoni ta’ din il-Learning Expo li fiha qed nipprovdu informazzjoni dwar il-firxa kbira ta’ possibiltajiet ta’ studju kemm għal studenti tal-ħames sena li jridu jkomplu fil-livell post sekondarju, kemm għal dawk fil-livell post sekondarju li jridu jimxu għal-livell terzjarju kif ukoll għall-dawk li jixtiequ jkomplu jistudjaw wara li jiksbu l-ewwel grad biex jagħmlu Masters jew Dottorat u anke għal adulti li jridu jkomplu jitgħallmu tul ħajjithom.

F’dawn il-ġranet, taħt saqaf wieħed, min iżur din il-Fiera se jkun jista’ jara x’korsijiet jeżistu fil-qasam tat-turiżmu u l-ospitalità, fil-qasam tas-saħħa, fl-arti u l-kultura, servizzi fil-komunità, fil-qasam vokazzjonali, fl-informatika, il-finanzi u l-qasam tal-kummerċ u anke fl-industrija tal-avjazzjoni, fost affarijiet oħra.

Dak li hu aktar importanti u ta’ sodisfazzjon hu li kull wieħed mill-korsijiet li dwarhom jista’ jinkiseb tagħrif mill-25 stand li hawn fil-Fiera, huma kollha korsijiet rikonoxxuti miċ-Ċentru Malti għar-rikonoxximent tal-Kwalifiki u kull kors għandu livell kif stabbilit mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.

Barrra minn entijiet u organizzazzjonijiet li joffru korsijiet ta’ studji, se jkun hawn ukoll preżenza ta’ entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni fosthom id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi, id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, l-Aġenzija għall-Programmi tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.

Dawn kollha se jkunu hawn taħt saqaf wieħed biex jagħtu pariri u jgħinu u jiggwidaw lil dawk li jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom.

M’għandix dubju li kull entità rappreżentata f’din il-Learning Expo, għandha x’toffri lil min iżurha.  Iżda għal dawk li huma interessati f’xi qasam tal-Arti, inħeġġiġhom biex jaslu wasla fl-istand tad-Direttorart għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li għadu kif nieda l-iskema ta’ Boroż ta’ Studju fl-Arti maħsuba biex jgħinu persuni li jixtiequ jispeċjalizzaw f’dan il-qasam, biex ikomplu jistudjaw, anke barra minn Malta.  Din hi t-tieni sena li qed inniedu din l-iskema li permezz tagħha s-sena li għaddiet tajna għajnuna lil 14-il persuna.

Mil-lum sa nhar is-Sibt, se nkunu hawn biex niltaqgħu mal-istudenti u l-għalliema, il-ġenituri u l-adulti li kollha għandhom isibu xi ħaġa li tinteressahom f’din il-Fiera ta’ opportunitajiet ta’ studju.  Fiera li se tkompli tiftaħ beraħ orizzonti ġodda għal dawk li jixtiequ jkomplu jistudjaw.

Il-pajjiż jinħtieġ li aktar nies ikomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja.  Għandna bżonn ukoll li aktar nisa jirritornaw jew jidħlu għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol.  Biex jagħmlu hekk iridu jkunu preparati u allura din il-Learning Expo għandha tkun ta’ iinteress anke għalihom.

Dawk li diġà għandhom impjieg iżda jixtiequ jtejjbu l-pożizzjoni tagħhom ukoll għandhom isibu din il-Learning Expo ta’ interess kbir għalihom.  Għalhekk ħsibna biex din il-Fiera tibqa’ miftuħa anke nhar il-Ġimgħa sat-8.30 pm u s-Sibt fil-għodu, biex ġenituri li jridu jirritornaw ma’ uliedhom jew adulti u nies li jaħdmu u jixtiequ jżuruha, jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan.

Filwaqt li nirringrazzja lill-Kumitat Organizattiv, lill-entitajiet li qed jipparteċipaw u lit-taqsima tal-Counselling u Guidance li qed jagħtu s-sehem tagħhom mal-istudenti li jiġu hawn, nawgura li din it-tieni edizzjoni tal-Learning Expo tkun suċċess daqs l-ewwel waħda u forsi aktar u sservi biex aktar nies jaħtfu l-opportunitajiet ta’ tagħlim li jeżistu f’pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow