Left arrow Go Back

INVESTIMENT TA’ €85 MILJUN FAVUR L-AMBJENT, KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR, PRODOTT TURISTIKU AQWA U LIVELL TA’ EĊĊELLENZA LI PAJJIŻNA JIXRAQLU

pr0317
Date Icon 21/02/2011

"L-investiment ta' €85miljun li qed isir fl-impjant ta' trattament ta' drenaġġ f'Ta' Barkat u f'numru ta' proġetti marbuta miegħu, huma investiment b'saħħtu favur l-ambjent fin-Nofsinhar ta' Malta, kwalità ta' ħajja aħjar, prodott turistiku isbaħ u livell ta' eċċellenza li pajjiżna jixraqlu." Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt żjara fix-xogħlijiet li għaddejjin f'dan l-impjant, li issa waslu lejn l-aħħar tagħhom.

Tonio Fenech spjega kif "dan il-proġett huwa proġett li jgħinna nilħqu l-aspirazzjonijiet li qed infasslu fit-twettiq ta' Viżjoni 2015 fil-prattika. Kif jibda jopera dan l-impjant ifisser li ma nibqgħux nitfgħu qatra waħda ta' drenaġġ li ma tkunx trattata fl-ibħra tagħna. B'hekk tgawdi saħħitna u l-kwalità tal-ħajja tagħna. Iżda jfisser ukoll li se ntejbu l-ambjent u l-prodott turistiku ta' pajjiżna, b'mod partikolari fin-naħa tan-Nofsinhar u x-Xlokk tal-pajjiż. Ifisser li l-ibħra tagħna se jkunu aktar attraenti għall-Maltin u għat-turisti. Dan ukoll għandu jgħin l-ekonomija tagħna biex tkompli tikber u toħloq ix-xogħol."

Grazzi għal dan l-impjant, se jkun qed jingħalaq l-aħħar outfall ta' drenaġġ, f'Wied Għammieq. Dan huwa t-tielet impjant ta' trattament tad-drenaġġ li pajjiżna investa fih fl-aħħar ħames snin.

  • L-impjant ta' Għawdex jittratta 3,500m³/kuljum
  • L-impjant tal-Mellieħa jittratta 7,000m³/ kuljum
  • Ta' Barkat se tkun qed jittratta 55,000m³/kuljum



    Il-proġett ta' Ta' Barkat kien tnieda fl-2008 u beda jinbena fl-2009. Filwaqt li l-impjant innifsu jiswa €55miljun, dan huwa parti minn proġett usa', li jammonta komplessivament għal €85 miljun, li jinkludi wkoll żewġ galleriji ta' 4.6km u 1.9km rispettivament bejn il-Marsa u Rinella u Ta' Barkat kif ukoll il-Marsa Pumping Station u r-Rinella Pumping Station u outfall ta' taħt il-baħar ta' tul ta' kilomteru.



    Il-Ministru Tonio Fenech faħħar l-effiċjenza tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fit-tlestija fi żmien rekord ta' dan il-proġett, li kien wieħed mill-aktar proġetti infrastrutturali sostanzjali ta' din il-leġislatura. Filfatt, dan is-sit ta' 45,000 metru kwadru, ħaddem numru ta' ħaddiema, bl-akbar numru f'żmien partikolari jaqbeż il-160.



    Bl-għan li dan l-impjant ikun kemm jista' jkun sostenibbli, dan l-impjant se jittratta wkoll l-isludge tad-drenaġġ u jtejbu sakemm dan ikun jista' jintrema mhux biss fl-art iżda saħansitra għar-riġenrazzjoni tal-ħamrija. Minn dan l-isludge se jinħoloq ukoll il-biogass. Filfatt l-impjant jinkludi tliet magni li jistgħu jiġġeneraw 1MW ta' enerġija, li huwa madwar terz tal-ħtiġijiet tal-impjant. Dan l-impjant huwa parti mill-miri tal-Gvern biex jintlaħqu l-miri għall-Programm Ewropa 2020 (20% ta' enerġija sostenibbli sas-sena 2020).



    Marc Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma faħħar lill-ħaddiema tal-Korporazzjoni li kienu involuti fil-fażijiet differenti tal-proċess u rringrazzja lil dawk kollha li b'xi mod kienu responsabbli għall-effiċjenza murija biex jitlesta proġett infrastrutturali ta' dan id-daqs. Huwa rringrazzja wkoll lill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra għall-kooperazzjoni murija u ġedded l-impenn tal-Korporazzjoni li se tibqa' żżomm kuntatt kontinwu ma' dan il-kunsill f'dak kollu li għandu x'jaqsam ma' żviluppi ulterjuri f'dan l-impjant.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow