Left arrow Mur Lura

IL-GVERN JAGHTI ATTENZJONI LIS-SETTUR TURISTIKU GHAWDXI

pr0312
Date Icon 19/02/2011

It-tisħieħ tas-settur turistiku f'Għawdex huwa prijorità li qed tingħata attenzjoni mill-Gvern. Dan sostnewh kemm l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex kif ukoll l-Onor. Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura waqt interventi li għamlu fl-okkażjoni tal-ħdax-il laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA). 

Matul din il-laqgħa s-Sur Paul Scicluna u s-Sur Joe Muscat, li okkupaw il-karigi ta' President u Segretarju tal-GTA rispettivament matul is-sena li għaddiet, taw rendikont tal-ħidma mwettqa mill-Assoċjazzjoni. Huma rreferew ghall-ħtieġa li jiġu ndirizzati l-isfidi partikolari li jiltaqa' magħhom is-settur turistiku Għawdxi partikolarment fit-tisħiħ ta' niċeċ turistiċi li jattiraw turisti matul ix-xhur anqas popolari tas-sena u b'hekk jiġi mnaqqas l-effett negattiv marbut mal-element ta' staġjonalità li jinħass b'mod aktar qawwi f'Għawdex. Il-ħidma tal-GTA matul dawn l-aħħar ħdax-il sena kienet strumentali biex saret vuċi ewlenija li twassal l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-istakeholders impenjati fid-diversi setturi tal-industrija turistika f'Għawdex filwaqt li nżamm kuntatt kontinwu mal-Ministeru għal Għawdex, Ministeri oħra u entitajiet bħalma hi l-MTA.

L-Onor. Giovanna Debono faħħret l-impenn tad-diversi kunsilli li mexxew il-GTA matul il ħdax-il sena minn meta ġiet imwaqqfa fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex. Fissret kif id-djalogu li nħoloq bejn din l-entità u l-Ministeru għal Għawdex irriżulta fit-twettiq ta' diversi inizjattivi u proġetti li wasslu biex ġie msaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi kif ukoll biex twettqu diversi proġetti li komplew jindirizzaw oqsma speċifiċi bħalma huma fost l-oħrajn il-qasam tal-għadds, il-wirt storiku, l-organizzazzjoni ta' attivitajiet u r-reklamar f'Malta li llum żviluppa fit-turiżmu intern kif ukoll it-taħriġ ta' dawk li joperaw f'dan is-settur permezz tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'Għawdex stess. Il-Ministru spjegat kif dan kollu ġie msaħħaħ b'inizjattivi li ttieħdu f'dawn l-aħħar xhur li jinkludu t-twaqqif tad-Direttorat tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-allokazzjoni ta' €500,000 li ġiet imħabbra fl-aħħar baġit li ser tkompli tindirizza r-reklamar ta' Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta. L-Onor. Giovanna Debono ħabbret li l-Ministeru għal Għawdex ser ikompli jsaħħaħ l-operat tal-GTA f'Għawdex permezz ta' allokazzjoni finanzjarja li tgħin lil GTA timpjega Kap Eżekuttiv fuq bażi full-time. 'Nemmnu li dan ser ikun effettiv biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u s-settur turistiku Għawdxi biex b'hekk ikunu jistgħu jinkisbu riżultati aktar pożittivi u jiġu mħarsa l-impjiegi ta' bosta familji Għawdxin li fuqu jiddependi l-għajxien tagħhom' temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

Is-Segretarju Parlamentari ghat-Turizmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco qal li Ghawdex ghandu rwol importanti fit-turizmu bħalma t-turizmu għandu rwol importanti ghall-ekonomija Għawdxija. Spjega kif il-proporzjon ta' turist intern għal kull 9 turisti barranin(1:9), f'Malta hu ferm differenti minn dak ta' turist intern ghal kull turist barrani (1:1) f'Għawdex u għalhekk ikompli juri l-importanza tat-turiżmu intern għall-ekonomija Għawdxija. L-Onor de Marco spjega wkoll id-differenza fl-allokazzjoni tas-sodod bejn iż-żewġ gżejjer fejn 63% tas-sodod f'Għawdex huma akkomodazzjoni privata liċenzata filwaqt li f'Malta dawn jammontaw biss għal 8% tas-sodod. Permezz ta' eżerċizzju li għamlet l-MTA matul l-2010 ġew identifikati madwar 200 post privat ta' akkomodazzjoni li kienu qed joperaw mingħajr liċenza. Ir-regolarizzazzjoni ta' dawn l-istabilimenti ser ifisser aċċertazzjoni akbar biex l-akkomodazzjoni privata f'Ghawdex tkun  ta' kwalita' u skont l-liċenzjar meħtieġ. L-Onor Mario de Marco tkellem ukoll dwar l-aċċessibilita' u l-promozzjoni. Hu qal li t-tisħiħ tal-aċċessibilita' ta' pajjiżna jrid ikun akkumpanjat minn promozzjoni effettiva fis-swieq eżistenti u swieq ġodda. Is-Segretarju Parlamentari qal li l-marketing ta' pajjiżna jinkludi reklamar, relazzjonijiet pubbliċi, parteċipazzjoni f'fieri tat-turiżmu, trade education u cross-branding fost oħrajn. Il-promozzjoni li qed issir barra minn Malta hija mfassla fuq il-ħsieb li Għawdex jigi rriklamat bħala destinazzjoni distinta, tenna Mario de Marco Hu ħeġġeġ lill-operaturi turistici Għawdxin biex jikkumplimentaw il-ħidma tal-Gvern fil-promozzjoni billi jużaw mezzi teknoloġiċi moderni għal riklamar effettiv filwaqt li jorganizzaw excursions mfassla fuq il-potenzjal tal-prodott turistiku Għawdxi. Filwaqt li elenka numru ta' inizjattivi tal-MTA li kienu ndirizzati biex isaħħu l-prodott turistiku ta' Għawdex l-Onor. Mario de Marco ta dettalji dwar żewġ sejħiet mill-iskema ta' €10 miljun f'investiment ta' inizjattivi għal turiżmu sostenibbli fejn diga ġew allokati fondi li jammontaw għal madwar €7 miljun li €1.3 miljun minnhom qed jiffinanzjaw 15-il-proġett f'Għawdex.  Semma wkoll l-investiment fir-rizorsa umana permezz tal-programm ADVANCE. Dan il-programm b'allokazzjoni ta' €3 miljun qed joffri tahrig lil managers u supervisors li jahdmu fil-qasam turistiku kif ukoll lil dawk li jixtiequ jahdmu f'dan is-settur. B'kollox fl-ewwel intake kien hemm 50 persuna li huma mpjegati ma' operaturi turistici u li inghataw t-tahrig minn dan il-programm li fl-ahharnett huwa investiment fit-titjib tas-servizz turistiku, qal Mario de Marco.

Għal din l-attività annwali tkellem ukoll il-kelliem ewleni tal-Oppożizzjoni għall-qasam turistiku l-Onor. Gavin Gulia filwaqt li attendew ukoll fost l-oħrajn l-Onor. Anton Refalo kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u s-Sur Josef Formosa Gauci, Kap Eżekuttiv tal-MTA.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow