DISKORS MILL-ONOR. JASON AZZOPARDI, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET WAQT L-OKKAŻJONI TAL-PREMJU ĠIEĦ L-ARTIĠĠJANAT U MALTA/WIPO CREATIVITY AND INNOVATION AWARDS - 18 TA’ FRAR 2011
Sinjuri,
Huwa ta' sodisfazzjoni għalija li nkun magħkom illejla, f'din l-okkażjoni ta' premjazzjoni għal żewġ oqsma differenti iżda komplimentari għal xulxin. Iżjed kmieni f'din is-serata ippreżentajna il-Premju għall-Kreattività u l-Innovazzjoni tal-World Intellectual Property Organisation, u issa fi ftit tal-mumenti ser inkunu qed nippreżentaw il-Premju għal Ġieħ l-Artiġġjanat Malti.
Fil-mankanza tal-Ministru Fenech li għal raġunijiet ta' impenji uffiċjali ma setax jingħaqad magħna illejla, ippermettuli nisħaq ftit fuq is-sinifikat tal-awards li tajna u li ser nagħtu illejla. Dawn mhux qed jippremjaw kumpanija jew oħra imma qed jiċċelebraw it-tkattir ta' kultura ta' innovazzjoni li għandna kull interess li nippromwovu fi gżiritna. Kultura li għandha tinfirex f'kull qasam tan-negozju Malti, ta' kull tip u daqs.
Ir-raġuni għaliex qed nippremjaw l-artiġġjan, l-imprenditur iż-żgħir fil-kreattività u l-innovazzjoni ta' xogħolu hija ċara: pajjiżna jeħtieġ aktar eżempji bħal dawn li għadna kif rajna fil-preżentazzjonijiet. Is-sena l-oħra, fis-Sena Ewropea għall-Kreattività u l-Innovazzjoni, l-Unjoni Ewropea ddeskriviet lil dan is-settur bħala "l-ilma tal-ħajja għall-ekonomija." Pajjiżna wettaq żviluppi u għamel progress kbir f'dan is-settur tul l-aħħar snin, iżda għadu mhux biżżejjed.
Filfatt, skont l-aħħar aġġornament tal-Iscorebord tal-Unjoni Ewropea dwar l-Innovazzjoni, ippubblikat fl-1 ta' Frar, il-Kummissjoni Ewropea tikklasifika lil Malta bħala "innovatur moderat", ftit taħt il-medja Ewropea.
Biex tassew inlaħħqu, f'termini ta' żvilupp ekonomiku, ma' pajjiżi aktar avvanzati minnha, irridu naspiraw għal livell ogħla ta' innovazzjoni. Is-suċċess ekonomiku tagħna – u għalhekk il-ġenerazzjoni tal-ġid u x-xogħol iddur ma' din l-aspirazzjoni. Anke meta tħares lejn il-Viżjoni tagħna għall-2015 u lil hinn, fejn qed naspiraw għall-eċċellenza, huwa evidenti li biex dan ikun possibbli rridu noffru prodott u servizz li mhux biss huwa tajjeb iżda li jħares lil hinn minn dak li hu biss tradizzjonali u nfittxu l-innovazzjoni u l-kreattività f'dak li l-pajjiż kapaċi jipproduċi u jipprovdi.
Huwa fatt li kien hemm żmien meta konna nbiegħu l-prodott ta' pajjiżna fuq il-bażi tal-pagi baxxi. Kien dak li jagħmilna kompetittivi. Illum harisna 'l quddiem, u dan inbidel, u l-kompetittività ta' pajjiżna tiddependi daqs qatt qabel fuq il-kreattività u l-innovazzjoni. Dan jgħodd mhux biss għall-industriji l-kbar, iżda wkoll għall-intrapriżi żgħar u medji.
Huwa ċar li Gvern ma jistax ikun hu s-sors tal-kreattività u l-innovazzjoni fi ħdan kumpanija jew negozju. Ir-rwol tagħna huwa li nkunu ta' inċentiv bil-politika tagħna.
Dan qed nagħmluh b'żewġ modi konkreti: l-ewwel livell huwa dak 'makro' – fuq livell ta' pajjiż. Dan jinkludi l-ħidma tagħna biex inħarrġu aktar ħaddiema f'kapaċitajiet li n-negozji qed jiġu bżonn; li nwettqu strateġija biex nattiraw investiment barrani, li mhux biss joħloq xogħol dirett iżda joħloq ix-xogħol għal kumpaniji żgħar li jipprovdu servizzi relatati.
Nagħmlu dan billi nibqgħu ninvestu fil-kwalità tal-infrastruttura tagħna – fis-sistema ta' ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-energija, per eżempju bl-estensjoni tal-power station u l-interconnector. L-investiment fil-prodott turistiku tagħna, fit-toroq, u fl-ambjent ġenerali.
It-tieni metodu huwa dak fuq livell 'micro'. F'dan il-kuntest, l-appoġġ li nagħtu lill-kumpaniji żgħar b'firxa ta' inċentivi. Qed nirreferi hawn għall-fondi differenti li tniedi l-Malta Enterprise regolarment, b'mod partikolari b'finanzjament Ewropew, favur l-innovazzjoni, l-espansjoni fi swieq barranin, il-kummerċ elettroniku u ħafna aktar.
Proprju lbieraħ, kellna l-okkażjoni, flimkien mal-Ministru Fenech, li nħabbru skema oħra, il-Gateway to Export, li tippermetti lill-intrapriżi żgħar ifittxu li jbiegħu l-prodotti u s-servizzi barra minn xtutna.
Ninvestu fiż-żoni industrijali fejn numru fostkom iwettqu l-ħidma tagħhom. Hawn nsemmi l-investiment qawwi ta' kważi €17-il miljun fl-upgrading taż-żoni industrijali li kellna l-okkażjoni nżuru, l-ġimgħa li għaddiet.
Riċenti wkoll ħabbarna skema ta' tnaqqis mit-taxxa għal dawk li jaħdmu fis-setturi tal-arti, tal-produzzjoni tal-films, il-crafts, il-mużika, u d-diżinn. Inizjattiva li tixhed impenn li l-kreattività u l-artiggjanat, jistghu iwasslu mhux biss biex isservu ta' passatemp iżda jkunu is-sors ta' innovazzjoni li tirrendi l-ġid ekonomiku u toħloq opportunitajiet tax-xogħol. B'dan l-inċentiv irridu ngħinu lill-industriji kreattivi, inklużi s-self employed, li l-ħidma tagħhom direttament marbuta mat-talent kreattiv tal-individwi.
L-impenn tal-Gvern lejn l-intrapriża ma jiqafx hawn. Illejla qed nirrikonoxxu ukoll il-ħidma fil-qasam tal-Artiġġjanat Malti, ħidma li tassew nemmnu li tagħti kontribut siewi fuq bosta livelli lis-soċjeta tagħna: lill-ekonomija tagħna, lil pajjiżna.
Il-Gvern jemmen li il-qasam tal-Artiġġjanat jistħoqlu kull inkoraġġament biex dan ikompli jiffjorixxi, jissaħħaħ u jikber. Min barra li jingħata ir-rikonoxximent mistħoqq, fl-aħħar snin ħdimna biex is-settur jingħata l-għajnuna neċessarja biex jiġi żgurat futur għalih.
Il-Gvern ħadem bis-sħiħ biex dan ir-rikonoxximent jittraduċiħ f'għajnuna u sostenn tanġibli.
F'dan id-dawl il-Gvern fil-Budget tal-2010, waqqaf fond ta' €200,000 biex isostni s-settur tal-artiġjanat. Dan il-fond, b'sodisfazzjon ninnota li reġa' ġie pprovdut ukoll fil-Budget ta' din is-sena 2011, fl-istess ammont ta' €200,000. Dawn il-flus qed jiġu ivvutati għat-tieni sena konsekuttiva, biex bihom jinħolqu inizjattivi u inċentivi li jippromwovu u jgħinu lill-artiġjani nfushom, biex jilqgħu għar-realtajiet li joperaw fihom fid-dinja tal-lum.
Id-Dipartiment tal-Kummerċ, fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari tiegħi, ħaddem dawn il-fondi bl-aqwa mod, biex ħoloq numru ta' inizzjattivi u inċentivi. Is-sena l-oħra assistejna għal konferenza li ittrattat l-artiġjanat Malti u din ġiet ikkumplimentata minn sensiela ta' laqgħat li ġew organizzati bħala 'follow-up' tal-Konferenza fejn l-artiġjani li ipparteċipaw ingħataw tagħrif u pariri fuq marketing, packaging, innovazzjoni u protezzjoni ta' propjeta' intelletwali. Wara, l-artiġjana anki ingħataw sessjonijiet ta' one to one counseling fuq il-post tax-xogħol tagħhom kif jistgħu itejbuh. Irridu nirrepetu dan is-suċċess, u norganizzaw konferenza oħra simili, li wkoll tkun segwita minn sensiela ta' laqgħat, din is-sena jew is-sena d-dieħla.
Is-sena l-oħra bdejna ukoll il-proċess biex jiġi żviluppat portal elettroniku għall-artiġjanat Malti li għandu joffri opportunitajiet diversi lill-artiġjani Maltin u Għawdxin. Huwa maħsub li fi ftit xhur oħra dan il-portal li jibda jaħdem.
Parti oħra mill-istess fond qiegħed jagħmel tajjeb biex jiġi iffinalizzat l-ewwel survey xjentifiku fuq aspetti soċjo-ekonomiċi tal-artiġjanat Malti. L-iskop ta' dan is-survey, li diġa tqassam ma' numru kbir ta' artiġjani lokali, huwa li nkunu f'pożizzjoni aħjar biex l-ewwel nifhmu fejn sejjer dan is-settur u imbagħad nippjanaw skond iċ-ċirkostanzi li jirriżultaw mill-istess survey.
Minbarra dawn l-inizjattivi, illum wasalna għall-qofol ta' inizzjattiva oħra, "il-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti". Fl-ewwel edizzjoni tiegħu, dan il-konkors ġibet interess b'saħħtu, u permezz tiegħu qed naslu għall-għan aħħar li huwa li nirrikonoxxu il-ħidma siewja tal-artiġġjan Malti. Żgur li dan mhux ha jkun l-aħħar konkors tat-tip tiegħu.
Illejla ser inkunu qed inqassmu €100,000 fi premjijiet fit-tlett kategoriji tal-konkors. Jien infurmat li dan il-konkors, fl-ewwel edizzjoni tiegħu ġibed interess b'saħħtu u ferm inkoraġġanti, ta' madwar 140 applikazzjoni. Dan jagħtina kuraġġ inkomplu naħdmu għall-qasam. Anke l-attendenza tagħkom hawn illejla tagħtina l-messaġġ li dawn l-inizjattivi hemm posthom u għandhom ikunu inkoraġġiti.
Fil-konklużjoni, ippermettuli nifraħ lir-rebbieħa tal-WIPO Award, kif ukoll dawk li ser inħabbru fi ftit tal-mumenti oħra. Ippermettuli iżda nifraħ ukoll lill-parteċipanti kollha li ħadu sehem fil-konkorsi u wrew interess li jkunu aħjar.
Dan huwa l-ispirtu u l-kultura, li rridu nkomplu nkattru.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003