Left arrow Mur Lura

IMNIEDI UFFIĊJALMENT IL-PROGRAMM YOUTH INC.

pr0297
Date Icon 18/02/2011

"Din hi ħolqa oħra mill-istrateġija tal-Gvern biex itejjeb il-ħiliet tat-tfal u żgħażagħ tagħna biex ħadd ma jibqa' lura." Hekk iddiskriva dan il-programm l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, meta dalgħodu nieda uffiċjalment il-programm Youth Inc.  Dan il-programm tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi b'kollaborazzjoni mal-ETC u l-MQC jinkorpora fih taħriġ akkademiku u vokazzjonali mifrux fuq perjodu ta' sentejn. Dan il-programm iwassal għal kwalifika rikonoxxuta taħt il-Qafas Nazzjonali għal Kwalifiki fl-Ewwel u t-Tieni Livell. 

L-Onor. Clyde Puli, fl-intervent tiegħu sostna dwar il-bżonn li kull ċittadin ikollu ħiliet bażiċi u ħiliet tal-ħajja għaliex minbarra li dawn il-ħiliet itejbu l-ħajja tal-individwu itejbu wkoll il-livell tal-għixien fil-pajjiż. Hu saħaq li l-istrateġija tal-Gvern mhix biss li jippoteġi l-impjiegi iżda li jipproteġi l-impjegabbilità.

Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar il-bżonn ta' ħiliet ġodda għal xogħolijiet ġodda u żied li l-Gvern flimkien mal-imsieħba tiegħu qed jaraw x'ser ikunu l-impjieġi ta' għada ħalli b'hekk ikollhom stampa ċara ta' x'ħiliet se jkun hawn bżonn.

Il-programm huwa miftuħ għal żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena li ma rnexxilhomx ikomplu fl-istudji tagħhom, primarjament minħabba li ma baqawx jattendu l-iskola jew ma kellhomx biżżejjed kwalifiki tas-SEC.

Il-programm huwa mfassal biex jimmotiva lil dawn iż-żgħażagħ biex b'mod attiv jinvolvu ruħhom fit-tagħlim. Il-programm jipprovdi assistenza lill-parteċipanti li huma neqsin mill-ħiliet u għarfien bażiku u minn dawk il-kompetenzi soċjali li normalment ikunu ta' għajnuna biex dawn iż-żgħażagħ jintegraw fil-komunità u fid-dinja tax-xogħol. Dan il-programm jaspira li jservi ta' opportunità biex iż-żgħażagħ jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi permezz ta' tagħlim formali u mhux formali.

Kull grupp ta' parteċipanti jiġi assenjat Youth Support Worker li jipprovdi assistenza, mentoring u jistabilixxi relazzjoni ta' fiduċja. L-ambjent ta' tagħlim huwa mfassal biex jippromwovi l-involviment attiv tal-istudent imma jżomm 'l bogħod minn dik li hija l-klassi tradizzjonali.

Il-Programm tal-Ewwel Livell tal-Qafas Nazzjonali għal Kwalifiki jikkonsisti f'minimu ta' 1,000 siegħa mifruxa fuq 30 ġimgħa, fil-waqt li l-programm tat-Tieni Livell tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki jinkorpora 1,500 siegħa mifruxa fuq 44 ġimgħa. Dawn iż-żewġ programmi huma maqsumin f'erba fażijiet biex jassiguraw li l-parteċipanti jlaħħqu max-xogħol involut u aktar importanti illi ma jkunx hemm min jieqaf mill-programm qabel il-waqt.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow