MAĦRUĠ IL-PERMESS GĦAR-RIABILITAZZJONI TAS-SALINI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jilqa' b'sodisfazzjon l-ħruġ ta' permess għall-proġett tar-riabilitazzjoni tas-Salini wara li dan il-proġett kellu diġà l-approvazzjoni ta' permess (outline) mill-MEPA. Issa li nħarġu l-permessi meħtieġa l-Ministeru se jkun qed jibda x-xogħol sabiex din iż-żona tinbidel f'attrazzjoni turistika.
Dan ix-xogħol ser jikkonsisti fir-restawr u r-riabilitazzjoni tas-salini, fir-restawr tal-huts li kienu jintużaw biex jiġi proċessat u stivat il-melħ, fir-restawr tax-Ximenes Redoubt, fit-tindif tal-'garigue' li fuqu kien mitfuħ materjal u anke fir-riabilitazzjoni tas-salt marsh. Wieħed mill-huts se jintuża sabiex iservi bħala ċentru tal-viżitaturi u li ħa jkun jikkonsisti f'wirjiet dwar l-istorja ta' kif kien u kif isir il-melħ f'pajjiżna. Ix-Ximenes Redoubt ser jintuża bħala ċentru ta' interpretazzjoni għaż-żona kollha tas-Salini biex b'hekk il-viżitatur ikun jista' jifhem l-importanza ta' din iż-żona kemm mil-lat storiku, ekoloġiku u mill-aspett ta' Avi-Fauna.
Filfatt is-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet biex isir ir-restawr tax-Ximenes Redoubt, diġà ġiet pubblikata mid-Dipartiment għall-Kuntratti u fil-ġimgħat li ġejjin sejrin ikunu ppubblikati aktar sejħiet għall-offerti għall-kumplament ta' dan il-proġett. Bħalissa wkoll għaddejjin studji ekoloġiċi fuq is-salt marsh u fuq parti mis-salini nfushom.
Din iż-żona tas-Salini hi wkoll kandidata tan-Natura 2000 u s-salini u Ximenes Redoubt huma skedati mill-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar. Dan il-proġett qed isir b'investiment ta' madwar €7 miljun b'ko-finanzjament ta' 90% mill-Unjoni Ewropea
Intant fl-aħħar xhur fis-Salini reġa' nfetaħ mill-ġdid il-kanal tal-mgħodija tal-ilma magħruf bħala s-Sukkursu, u b'hekk reġgħet inħolqot iċ-ċirkolazzjoni tal-ilma baħar madwar is-salini. Dan il-proġett sar b'investiment ta' madwar €250,000, li kien jinkludi wkoll it-tisħiħ u r-restawr ta' ħajt ta' żmien il-Kavallieri twil madwar 90 metru.
Dan il-kanal li hu twil madwar 835 metru u fond 1.5 metri, għal snin twal kien jimtela' b'materjal u skart u fil-maltemp kien jispicca bblukkat. Minħabba dan ma kienx qed jiġi ġġenerat kurrent u għalhekk l-ilma kien ikun staġnat b'riżultat li kien ikun hemm riħa ta' ilma qiegħed f'din iż-żona. Matul ix-xogħlijiet inġabar mal-10,000 tunellata ta' materjal minn dan il-kanal u permezz ta' dan l-intervent ir-riħa telqet għal kollox.
Il-Gvern hu impenjat li jkompli jtejjeb il-livell ta' din iż-żona tant li bħalissa qed issir ukoll l-estensjoni tal-Park Nazzjonali tas-Salini bħala parti mill-proġett ta' afforestazzjoni f'pajjiżna, wara li fix-xhur li għaddew sar proġett ta' tisbiħ f'Kennedy Grove fejn fost oħrajn inbniet girna u ġew installati tliet funtani.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003