STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA L-Oppożizzjoni tipprova ttellef id-diskussjoni dwar il-futur tal-MCESD
L-Oppożizzjoni tinsab maqtugħa mir-realtà u mhux konxja tal-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fl-MCESD u biex tiżdied l-inklussività f’dan il-Kunsill.
Kuntrarju għad-diskors fieragħ tal-Oppożizzjoni, id-djalogu soċjali f’Malta hu wieħed b’saħħtu. Dan jixhduh l-imsieħba soċjali nfushom li jipparteċipaw bis-sħiħ u jagħtu sehemhom fid-diskussjonijiet dwar materji ta’ interess nazzjonali. Matul din il-leġiżlatura l-Kunsill tal-MCESD iltaqa’ 74 darba.
Jidher ċar li l-kelliem tal-Oppożizzjoni għad-djalogu soċjali, Gino Cauchi, mhux konxju tal-fatt li f’Awwissu 2010 is-Segretarju Parlamentari Chris Said talab lill-membri tal-Kunsill tal-MCESD biex iressqu l-proposti tagħhom dwar:
• il-kompożizzjoni tal-Kunsill;
• ir-rappreżentanza fuq il-Kumitati tal-UE;
• il-ħidma tal-MCESD.
L-istedina kienet imnebbħa mill-fatt li tul is-snin saru diversi talbiet għal rappreżentanza fl-MCESD minn organizzazzjonijiet li jixtiequ jagħtu sehem f’dan il-forum.
F’dan il-kuntest, f’laqgħa li saret f’Jannar 2011, qablu unanimament mal-proposta tas-Segretarju Parlamentari Chris Said li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma immexxi miċ-Chairman tal-MCESD, magħmul minn żewġ membri min-naħa tal-unions u żewġ membri oħra mill-organizzazzjonijiet ta’ minn iħaddem.
Dan il-grupp ta’ ħidma għandu l-għan li jgħarbel id-diversi proposti u jitressqu pjani konkreti anki dwar il-kompożizzjoni tal-MCESD. Ir-rapport bir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma għandu jitressaq aktar ‘il quddiem.
Id-deputat tal-Oppożizzjoni Gino Cauchi reġa’ rrepeta l-iżball li għamel id-deputat tal-Oppożizzjoni Għawdxi, Anton Refalo, ftit tal-ġimgħat ilu meta qal li l-Gozo Business Chamber m’għandux vuċi fl-MCESD. Jidher ċar li l-Oppożizzjoni lanqas hi konxja tal-fatt li fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern waqqaf il-Gozo Regional Committee fi ħdan l-MCESD. Dan jiżgura li Għawdex hu rappreżentat fid-deċiżjonijiet li jħallu mpatt fuq l-ekonomija u l-qasam soċjali ta’ Għawdex. Dan il-Kumitat iltaqa’ 12-il darba fi plenarja u organizza sitt laqgħat oħra. Barra minn hekk fl-2009 infetaħ uffiċċju tal-MCESD f’Għawdex.
Fid-dawl ta’ dan kollu, jidher ċar li l-istqarrija tal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-djalogu soċjali Gino Cauchi kienet intiża biss biex ittellef il-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu l-għan li jintlaħaq konsensus bejn il-partijiet kollha fi ħdan l-MCESD.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003