GATEWAY TO EXPORT: SKEMA TA’ GĦAJNUNA GĦAS-SIDIEN TAN-NEGOZJU BIEX JESPORTAW IL-PRODOTTI TAGĦHOM U JOĦOLQU AKTAR XOGĦOL
Kif tħabbar fil-baġit 2011, il-Gvern nieda skema li permezz tagħha sidien ta' negozji żgħar jistgħu jirċievu għajnuna mill-Malta Enterprise biex jesploraw l-opportunitajiet ta' esportazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tagħhom u b'hekk ikabbru l-operat tan-negozju tagħhom u joħolqu aktar postijiet tax-xogħol. Dan tħabbar waqt żjara tal-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech u s-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u Negozji Żgħar, Jason Azzopardi fil-fabbrika tal-kumpanija Consolidated Biscuits fl-Imrieħel.
Il-Ministru Fenech spjega kif din il-kumpanija hija eżempju tajjeb ta' kumpanija lokali li għarfet il-benefiċċji tal-esportazzjoni, tant li llum tesporta madwar 75% tal-produzzjoni tagħhom u kompliet tikber matul iż-żmien biex tħaddem mal-145 persuna. Oriġinarjament kienet tesporta lejn il-Golf Għarbi u l-Afrika ta' Fuq, iżda wara li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea rnexxilha tibda tbiegħ il-prodotti tagħha f'numru ta' pajjiżi tal-UE, fosthom ir-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja.
Tonio Fenech spjega kif l-aċċess għas-swieq barranin, speċjalment dak Ewropew, jipprovdi opportunitajiet kbar għas-sidien tan-negozju, anke għal dawk żgħar. Huwa spjega kif l-iskema Gateway to Export, li għaliha kienet allokata s-somma ta' €1m Ewro se tagħti l-għajnuna teknika meħtieġa biex sid ta' negozju jara x'opportunitajiet jeżistu barra minn xtutna, x'titjib jista' jagħmel fil-preżentazzjoni tal-prodott tiegħu, x'tip ta' reklamar ikun meħtieġ u x'tip ta' assistenza oħra jista' jibbenefika minnha bħal parteċipazzjoni f'fiera internazzjonali jew parteċipazzjoni waqt żjarat kummerċjali.
Is-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi saħaq fuq l-importanza li n-negozji jagħrfu l-benefiċċji li jistgħu jiksbu meta jħarsu lejn swieq barranin. Huwa sostna li grazzi għall-globalizzazzjoni s-swieq ta' pajjiżi oħra qed isiru dejjem aktar aċċessibbli u dan joħloq opportunitajiet ta' żieda fil-kummerċ għall-imprenditur Malti.
Huwa kwota studju tal-Unjoni Ewropea li ħareġ fl-2009, li jindika li dawk l-SMEs li għandhom attività internazzjonali żiedu l-impjiegi tagħhom b'7%, filwaqt li dawk li ma għandhomx, żiedu l-postijiet tax-xogħol b'1% biss. Aktar minn hekk, skont l-istess studju, SMEs attivi fuq livell internazzjonali huma aktar innovattivi. Filfatt, 26% ta' kumpaniji li jħarsu lejn swieq barranin introduċew xi prodott jew servizz ġdid għall-pajjiżhom, filwaqt li kienu biss 8% tal-bqija tal-SMEs li għamlu dan.
Jason Azzopardi nnota li l-iskema Gateway to Export hija miftuħa għal dawk in-negozji li jħaddmu anqas minn 50 impjegat, u għandhom turnover ta' anqas minn €10 miljuni u li ma jkollhomx export sales ta' iktar minn 20% tat-turnover.
Aktar dettalji jinksibu mill-uffiċċji tal-Malta Enterprise.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003