TARKA GĦALL-ABBUŻ TAT-TFAL BL-INTERNET
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, iddeskriviet l-inizjattiva ġdida "Be Smart Online" bħala tarka kontra l-abbuż tat-tfal bl-Internet u appellat biex issir ħidma flimkien biex dan is-servizz importanti ma jkunx abbużat b'dannu għat-tfal u persuni vulnerabbli fis-soċjetà.
Il-Ministru kienet qed titkellem waqt it-tnedija ta' dan is-servizz li hu inizjattiva tal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi, il-Kummissarju tat-Tfal, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, il-Pulizija u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika tal-Kurja.
Is-servizz hu maħsub biex joffri protezzjoni lit-tfal li llum fil-parti l-kbira tagħhom għandhom aċċess għas-servizz tal-Internet, minn abbużi li jistgħu jsiru bl-użu ħażin ta' dan l-istess mezz ta' komunikazzjoni.
Fid-diskors tagħha l-Ministru qalet li kull kisba, kull skoperta, kull invenzjoni, ilkoll jistgħu jintużaw għall-vantaġġ tal-bniedem u tas-soċjetà li ngħixu fiha. Iżda bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja tista' tkun abbużata u jsir użu ħażin minnha.
L-istorja hi mimlija b'każi u eżempji fejn skoperti f'diversi oqsma – mediċina, xjenza, teknoloġija u oħrajn li għenu lill-bniedem jimxi 'l quddiem, kienu użati wkoll b'mod ħażin li għamel ħsara u weġġa' ħafna nies.
F'dawn l-aħħar 30 sena saru żviluppi kbar fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika li għamlu l-kompjuter għodda indispensabbli għall-ħajja moderna. Illum jekk ma tafx tuża l-kompjuter qisek ma tafx taqra u tikteb. U għalhekk fl-iskejjel tagħna, it-tagħlim tal-kompjuter qed jingħata importanza daqs suġġetti ewlenin bħalma huma l-Malti, l-Ingliż u l-Matematika.
Fl-iskejjel tagħna, sa mill-klassijiet tal-Kindergarten, it-tfal qed ikunu esposti għall-użu tal-kompjuter. It-tfal kollha fil-klassijiet primarji u sekondarji ngħataw e-mail address. Kull skola għandha l-portal u sit elettroniku tagħha. Qed isir dak kollu possibbli biex ikun assigurat li t-tfal ikunu kapaċi jużaw din l-għodda li hi ċ-ċavetta li tiftaħ quddiem futur mill-isbaħ.
Sadattant skoprejna wkoll li anke l-kompjuter u l-Internet hemm min qed jisfruttahom bi skop ħażin li jista' jagħmel ħsara kbira, l-aktar fost it-tfal li huma persuni vulnerabbli għax f'età żgħira jkunu għadhom mhux kapaċi jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin u allura jistgħu jiġu sfruttati b'effetti u konsegwenzi negattivi.
Il-Ministru Cristina saħqet li għalhekk hemm bżonn li nibnu tarka biex ma nħallux lil persuni bla kuxjenza jużaw din l-għodda importanti biex biha jagħmlu ħsara lis-soċjetà.
Il-Ministru qalet li mill-ewwel tat l-approvazzjoni tagħha biex id-Direttorat tal-Edukazzjoni u aġenziji li jaqgħu fir-responsabbiltà tal-Ministeru tagħha jingħaqdu f'din l-inizjattiva varata mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni biex ikun offrut servizz tal-Internet li jkun kemm jista' jkun safe u bla perikli.
Qalet li kien ta' sodisfazzjon għaliha li tara tant dipartimenti u aġenziji jaħdmu flimkien fi proġett li hu tant utli biex jintrebaħ dan il-periklu.
Sostniet li f'dan il-proġett se tkun qed issir ħidma kontra nies li huma kapaċi ħafna fit-tħaddim tal-kompjuter u rridu nirbħulhom. L-amministraturi, l-edukaturi u l-ġenituri ma jistgħux jabdikaw mir-responsabbiltà tagħhom li jassiguraw li uliedna jkunu jistgħu jużaw l-internet mingħajr periklu.
Il-Ministru qalet li hemm eluf ta' familji li għandhom il-faċilità tal-Internet fid-dar tagħhom u ħafna minnhom, kif ukoll bosta edukaturi, qed jiltaqgħu ma ħafna diffikultajiet fejn tidħol is-sigurtà fuq l-Internet. Mezz meraviljuz li però jista' jintuża biex bih isir bullying, issir il-pornografija, l-isfruttament tat-tfal u diversi abbużi oħra li jfixklu u jħallu l-marka tagħhom fuq nies vulnerabbli.
Permezz ta' dan il-proġett se jkun hemm helpline u hotline li joffru appoġġ u pariri lil min ikollu diffikultà u fejn in-nies ikunu jistgħu jirrappurtaw każi ta' abbużi minn fuq l-Internet. Barra minn dan se ssir kampanja sħiħa ta' informazzjoni u edukazzjoni fl-iskejjel kollha u fuq il-mezzi tax-xandir u l-istampa biex jitwassal tagħrif lill-pubbliku kollu biex ikun jista' jilqa' għal dawn il-perikli.
F'dan il-proġett tinħtieġ l-għajnuna u l-appoġġ ta' kulħadd. Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, għaqdiet tal-volontarjat, dipartimenti tal-Gvern, żgħażagħ, tfal, għalliema, edukaturi, ġenituri u dawk kollha li jistgħu jikkontribwixxu biex nassiguraw Internet nadif u ħieles minn kull periklu.
F'din il-ġlieda pajjiżna mhux waħdu. L-Ewropa kollha qed tiffaċċja din il-problema u permezz tal-proġett li qed inniedu l-lum pajjizna se jingħaqad mal-INSAFE, li hu network ta' Ċentri madwar l-Ewropa kollha li se jkunu qed jaħdmu flimkien b'dan l-iskop.
Il-Ministru Cristina awgurat li dan il-proġett, bil-kooperazzjoni ta' kulħadd, ikun suċċess u jagħti r-riżultati mixtieqa.
Charlo' Bonnici, Assistent Parlamentari fil-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, għamel referenza għal Facebook u semma' kif is-sit evolva tul dawn l-aħħar għaxar snin. Semma' wkoll kif l-użu ta' Facebook u ta' għodod oħra ta' komunikazzjoni simili laħqu livelli li jistgħu jwasslu biex jinfluwenzaw b'mod konsiderevoli avvenimenti bħal dawk li seħħu dan l-aħħar fit-Tuneżija u fl-Eġittu.
"Iż-żgħażagħ tal-lum jesprimu ruħhom b'mod espliċitu permezz tal-Internet, u ma nkunux qed nirraġunaw sew li kieku kellna nippruvaw nikkontrollawlhom leħinhom, jew insikktuhom", qal l-Onorevoli Bonnici. "Il-missjoni tagħna għandha tkun li niżguraw li ż-żgħażagħ tagħna jagħmlu l-aħjar użu possibbli ta' dawn l-opportunitajiet f'ambjent sigur. Dan nistgħu niksbuh biss billi nqajmu kuxjenza, u billi nimplimentaw sistema ta' edukazzjoni mibnija fuq l-oqfsa legali, regolatorji u soċjali meħtieġa", temm jgħid l-Assistent Parlamentari.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003