Left arrow Go Back

TARKA GĦALL-ABBUŻ TAT-TFAL BL-INTERNET

pr0283
Date Icon 16/02/2011

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, iddeskriviet l-inizjattiva ġdida "Be Smart Online" bħala tarka kontra l-abbuż tat-tfal bl-Internet u appellat biex issir ħidma flimkien biex dan is-servizz importanti ma jkunx abbużat b'dannu għat-tfal u persuni vulnerabbli fis-soċjetà.

Il-Ministru kienet qed titkellem waqt it-tnedija ta' dan is-servizz li hu inizjattiva tal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi, il-Kummissarju tat-Tfal, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, il-Pulizija u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika tal-Kurja.

Is-servizz hu maħsub biex joffri protezzjoni lit-tfal li llum fil-parti l-kbira tagħhom għandhom aċċess għas-servizz tal-Internet, minn abbużi li jistgħu jsiru bl-użu ħażin ta' dan l-istess mezz ta' komunikazzjoni.

Fid-diskors tagħha l-Ministru qalet li kull kisba, kull skoperta, kull invenzjoni, ilkoll jistgħu jintużaw għall-vantaġġ tal-bniedem u tas-soċjetà li ngħixu fiha.  Iżda bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja tista' tkun abbużata u jsir użu ħażin minnha.

L-istorja hi mimlija b'każi u eżempji fejn skoperti f'diversi oqsma – mediċina, xjenza, teknoloġija u oħrajn li għenu lill-bniedem jimxi 'l quddiem, kienu użati wkoll b'mod ħażin li għamel ħsara u weġġa' ħafna nies.

F'dawn l-aħħar 30 sena saru żviluppi kbar fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika li għamlu l-kompjuter għodda indispensabbli għall-ħajja moderna.  Illum jekk ma tafx tuża l-kompjuter qisek ma tafx taqra u tikteb. U għalhekk fl-iskejjel tagħna, it-tagħlim tal-kompjuter qed jingħata importanza daqs suġġetti ewlenin bħalma huma l-Malti, l-Ingliż u l-Matematika.

Fl-iskejjel tagħna, sa mill-klassijiet tal-Kindergarten, it-tfal qed ikunu esposti għall-użu tal-kompjuter. It-tfal kollha fil-klassijiet primarji u sekondarji ngħataw e-mail address.  Kull skola għandha l-portal u sit elettroniku tagħha.  Qed isir dak kollu possibbli biex ikun assigurat li t-tfal ikunu kapaċi jużaw din l-għodda li hi ċ-ċavetta li tiftaħ quddiem futur mill-isbaħ.

Sadattant skoprejna wkoll li anke l-kompjuter u l-Internet hemm min qed jisfruttahom bi skop ħażin li jista' jagħmel ħsara kbira, l-aktar fost it-tfal li huma persuni vulnerabbli għax f'età żgħira jkunu għadhom mhux kapaċi jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin u allura jistgħu jiġu sfruttati b'effetti u konsegwenzi negattivi.

Il-Ministru Cristina saħqet li għalhekk hemm bżonn li nibnu tarka biex ma nħallux lil persuni bla kuxjenza jużaw din l-għodda importanti biex biha jagħmlu ħsara lis-soċjetà.

Il-Ministru qalet li mill-ewwel tat l-approvazzjoni tagħha biex id-Direttorat tal-Edukazzjoni u aġenziji li jaqgħu fir-responsabbiltà tal-Ministeru tagħha jingħaqdu f'din l-inizjattiva varata mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni biex ikun offrut servizz tal-Internet li jkun kemm jista' jkun safe u bla perikli.

Qalet li kien ta' sodisfazzjon għaliha li tara tant dipartimenti u aġenziji jaħdmu flimkien fi proġett li hu tant utli biex jintrebaħ dan il-periklu.

Sostniet li f'dan il-proġett se tkun qed issir ħidma kontra nies li huma kapaċi ħafna fit-tħaddim tal-kompjuter u rridu nirbħulhom.  L-amministraturi, l-edukaturi u l-ġenituri ma jistgħux jabdikaw mir-responsabbiltà tagħhom li jassiguraw li uliedna jkunu jistgħu jużaw l-internet mingħajr periklu.

Il-Ministru qalet li hemm eluf ta' familji li għandhom il-faċilità tal-Internet fid-dar tagħhom u ħafna minnhom, kif ukoll bosta edukaturi, qed jiltaqgħu ma ħafna diffikultajiet fejn tidħol is-sigurtà fuq l-Internet.  Mezz meraviljuz li però jista' jintuża biex bih isir bullying, issir il-pornografija, l-isfruttament tat-tfal u diversi abbużi oħra li jfixklu u jħallu l-marka tagħhom fuq nies vulnerabbli.

Permezz ta' dan il-proġett se jkun hemm helpline u hotline li joffru appoġġ u pariri lil min ikollu diffikultà u fejn in-nies ikunu jistgħu jirrappurtaw każi ta' abbużi minn fuq l-Internet.  Barra minn dan se ssir kampanja sħiħa ta' informazzjoni u edukazzjoni fl-iskejjel kollha u fuq il-mezzi tax-xandir u l-istampa biex jitwassal tagħrif lill-pubbliku kollu biex ikun jista' jilqa' għal dawn il-perikli.

F'dan il-proġett tinħtieġ l-għajnuna u l-appoġġ ta' kulħadd.  Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, għaqdiet tal-volontarjat, dipartimenti tal-Gvern, żgħażagħ, tfal, għalliema, edukaturi, ġenituri u dawk kollha li jistgħu jikkontribwixxu biex nassiguraw Internet nadif u ħieles minn kull periklu.

F'din il-ġlieda pajjiżna mhux waħdu.  L-Ewropa kollha qed tiffaċċja din il-problema u permezz tal-proġett li qed inniedu l-lum pajjizna se jingħaqad mal-INSAFE, li hu network ta' Ċentri madwar l-Ewropa kollha li se jkunu qed jaħdmu flimkien b'dan l-iskop.

Il-Ministru Cristina awgurat li dan il-proġett, bil-kooperazzjoni ta' kulħadd, ikun suċċess u jagħti r-riżultati mixtieqa.

Charlo' Bonnici, Assistent Parlamentari fil-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, għamel referenza għal Facebook u semma' kif is-sit evolva tul dawn l-aħħar għaxar snin. Semma' wkoll kif l-użu ta' Facebook u ta' għodod oħra ta' komunikazzjoni simili laħqu livelli li jistgħu jwasslu biex jinfluwenzaw b'mod konsiderevoli avvenimenti bħal dawk li seħħu dan l-aħħar fit-Tuneżija u fl-Eġittu.

"Iż-żgħażagħ tal-lum jesprimu ruħhom b'mod espliċitu permezz tal-Internet, u ma nkunux qed nirraġunaw sew li kieku kellna nippruvaw nikkontrollawlhom leħinhom, jew insikktuhom", qal l-Onorevoli Bonnici. "Il-missjoni tagħna għandha tkun li niżguraw li ż-żgħażagħ tagħna jagħmlu l-aħjar użu possibbli ta' dawn l-opportunitajiet f'ambjent sigur. Dan nistgħu niksbuh biss billi nqajmu kuxjenza, u billi nimplimentaw sistema ta' edukazzjoni mibnija fuq l-oqfsa legali, regolatorji u soċjali meħtieġa", temm jgħid l-Assistent Parlamentari.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow