L-ONOR. MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITÀ JŻUR ESIBIZZJONI LI ĠIET IMTELLGĦA MINN VOLUNTIERA U PAZJENTI TAS-PSYCHIATRIC UNIT FL-ISPTAR MATER DEI.
"F'din il-ġurnata nixtieq inwassal il-messaġġ li l-imħabba hija wkoll li tifhem in-nies bi problemi ta' saħħa mentali." Hekk stqarr l-Onor. Mario Galea, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, waqt li żar esibizzjoni li ġiet imtellgħa minn voluntiera u pazjenti tas-Psychatric Unit fl-Isptar Mater Dei.
Mario Galea kompla jgħid li hu stmat li wieħed minn kull erba' persuni jbatu minn problema ta' saħħa mentali tul ħajjithom. "Dawn in-nies bi problemi ta' saħħa mentali, kif qed naraw minn dan ix-xogħol, għandhom bosta ħiliet."
"Persuni bi problemi ta' saħħa mentali jbatu, mhux biss minħabba l-kundizzjoni tagħhom, imma anki minħabba l-istigma. Tant hu hekk, li huwa kkalkulat li minn kull mitt persuna li jkollhom problemi ta' saħħa mentali, 26% biss ifittxu l-kura, għax l-oħrajn jibqgħu lura għax jibżgħu li se jiġu iġġudikati u ittimbrati. Oħrajn jiġu mwarrba u jsibuha ferm diffiċli biex jintegraw ruħhom fis-soċjetà jew fid-dinja tax-xogħol," kompla jgħid l-Onor. Mario Galea.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li l-istigma sfortunatament toħloq ħafna tbatija u żżid il-vulnerabilità ta' persuni li jkunu għaddejjin minn problema ta' saħħa mentali.
L-Onor. Mario Galea stqarr li l-Gvern, f'dawn l-aħħar sentejn, investa f'madwar 40 lokalità fejn hemm timijiet multidixxiplinarji li huma esperti fil-kura tal-mard mentali. "Dan biex kemm jista' ikun, il-pazjenti b'mard mentali nilħquhom u ninkuraġġuhom u ngħatuhom is-sapport fil-komunità," kompla l-Onor. Mario Galea. Illum hemm b'kollox erba' ċentri ta' matul il-jum għal persuni li għandhom problemi ta' saħħa mentali. Barra min hekk, twaqqaf crisis intervention team li hu stazzjonat fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei biex jagħti kura lill-pazjenti ta' saħħa mentali u anki jagħti għajnuna u sapport f'każijiet ta' problemi mentali jew attentati ta' suwiċidji. Iktar il-quddiem, dan it-tim hu ppjanat li joħroġ jagħti l-għajnuna psikoloġika lill-qraba jew ħbieb meta jkun hemm traġedja kbira bħal splużjoni ta' kamra tan-nar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità rringrazzja lill- professjonisti u l-voluntiera għall-ħidma tagħhom filwaqt li sellem lill-persuni f'Malta u Għawdex li għaddejjin minn problemi ta' saħħa mentali. "Dawn in-nies irridu ngħinuhom u ngħadruhom, mhux nittimbrawhom għax għada faċilment nista nkun jien jew int li ngħaddu minn esperjenza ta' mard mentali" tenn jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003