Left arrow Go Back

L-ONOR. MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITÀ JŻUR ESIBIZZJONI LI ĠIET IMTELLGĦA MINN VOLUNTIERA U PAZJENTI TAS-PSYCHIATRIC UNIT FL-ISPTAR MATER DEI.

pr0272
Date Icon 14/02/2011

"F'din il-ġurnata nixtieq inwassal il-messaġġ li l-imħabba hija wkoll li tifhem in-nies bi problemi ta' saħħa mentali." Hekk stqarr l-Onor. Mario Galea, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, waqt li żar esibizzjoni li ġiet imtellgħa minn voluntiera u pazjenti tas-Psychatric Unit fl-Isptar Mater Dei.

Mario Galea kompla jgħid li hu stmat li wieħed minn kull erba' persuni jbatu minn problema ta' saħħa mentali tul ħajjithom. "Dawn in-nies bi problemi ta' saħħa mentali, kif qed naraw minn dan ix-xogħol, għandhom bosta ħiliet."

"Persuni bi problemi ta' saħħa mentali jbatu, mhux biss minħabba l-kundizzjoni tagħhom, imma anki minħabba l-istigma. Tant hu hekk, li huwa kkalkulat li minn kull mitt persuna li jkollhom problemi ta' saħħa mentali, 26% biss ifittxu l-kura, għax l-oħrajn jibqgħu lura għax jibżgħu li se jiġu iġġudikati u ittimbrati.  Oħrajn jiġu mwarrba u jsibuha ferm diffiċli biex jintegraw ruħhom fis-soċjetà jew fid-dinja tax-xogħol," kompla jgħid l-Onor. Mario Galea.

Is-Segretarju Parlamentari sostna li l-istigma sfortunatament toħloq ħafna tbatija u żżid il-vulnerabilità ta' persuni li jkunu għaddejjin minn problema ta' saħħa mentali.

L-Onor. Mario Galea stqarr li l-Gvern, f'dawn l-aħħar sentejn, investa f'madwar 40 lokalità fejn hemm timijiet multidixxiplinarji li huma esperti fil-kura tal-mard mentali.  "Dan biex kemm jista' ikun, il-pazjenti b'mard mentali nilħquhom u ninkuraġġuhom u ngħatuhom is-sapport fil-komunità," kompla l-Onor. Mario Galea.  Illum hemm b'kollox erba' ċentri ta' matul il-jum għal persuni li għandhom problemi ta' saħħa mentali. Barra min hekk, twaqqaf crisis intervention team li hu stazzjonat fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei biex jagħti kura lill-pazjenti ta' saħħa mentali u anki jagħti għajnuna u sapport f'każijiet ta' problemi mentali jew attentati ta' suwiċidji. Iktar il-quddiem, dan it-tim hu ppjanat li joħroġ jagħti l-għajnuna psikoloġika lill-qraba jew ħbieb meta jkun hemm traġedja kbira bħal splużjoni ta' kamra tan-nar.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità rringrazzja lill- professjonisti u l-voluntiera għall-ħidma tagħhom filwaqt li sellem lill-persuni f'Malta u Għawdex li għaddejjin minn problemi ta' saħħa mentali. "Dawn in-nies irridu ngħinuhom u ngħadruhom, mhux nittimbrawhom għax għada faċilment nista nkun jien jew int li ngħaddu minn esperjenza ta' mard mentali" tenn jgħid  is-Segretarju Parlamentari.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow