L-ONOR. CLYDE PULI, JATTENDI GĦAL-LAQGĦA TAL-MINISTRI TAL-EDUKAZZJONI TAL-UE
L-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, attenda laqgħa tal-Ministri tal-UE tal-Edukazzjoni fi Brussell li matulha kien diskuss l-Istħarrig Annwali dwar it-Tkabbir. Fl-istess laqgħa ġiet ippreżentata inizjattiva ewlenija - An Agenda for New Skills and Jobs: a European contribution towards full employment - li hija mmirata biex tgħin l-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-ħolqien ta' impjiegi għal kulħadd.
Flimkien mal-inizzjattiva Youth on the Move, din l-inizzjattiva ġdida tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal-impjegabbiltà tul is-snin permezz tal-edukazzjoni u taħriġ. L-inizzjattiva An Agenda for New Skills and Jobs tħares b'mod partikolari lejn il-bżonn li aktar persuni jkollhom tagħlim formali f'kompetenzi bażiċi. Id-dokument iħares ukoll lejn il-bżonn ta' studju kontinwu tal-ħiliet li se jkun jirrekjedi s-suq tax-xogħol matul is-snin li ġejjin. L-inizzjattiva tħares ukoll lejn il-ħiliet tal-ħaddiema li jridu kontinwament jitjiebu sabiex jingħelbu l-isfidi tas-suq tax-xogħol u b'hekk l-ekonomija Ewropea tkun aktar kompetittiva u sostenibbli. Għalhekk din il-politika għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi membri sabiex joħolqu metodi ġodda u effettivi li janaliżżaw il-ħiliet li se jkun hemm bżonn fl-ekonomija matul is-snin kif ukoll jinħolqu strutturi ta' edukazzjoni u taħriġ matul il-ħajja.
Matul id-diskors tiegħu l-Onor. Puli sostna li l-Gvern Malti, permezz tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma, qiegħed jenfasizza l-ħtieġa għal edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja sabiex mhux biss iħares l-impjieġi iżda aktar minn hekk iħares l-impjegabbiltà tal-ħaddiema tiegħu.
Hu sostna li din l-inizjattiva għandha tgħin sabiex il-pajjiżi membri tal-UE jantiċipaw l-isfidi ġodda u għalhekk ikollhom ħaddiema mħarrġa skont ix-xejriet tal-ekonomija u tas-suq.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li din l-inizjattiva se tkun għodda essenzjali tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi li qed taħdem biex tinvesti aktar fil-ħiliet tal-ħaddiema biex jinħoloq aktar xogħol u xogħol aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003