KUNĊERT TA’ MUŻIKA VARJATA MILL-GĦAQDA MUŻIKALI SAN GIRGOR FIT-TEATRU MANOEL
L-Għaqda Mużikali San Girgor ta' Kerċem se tippreżenta Spectacular Spectacular, kunċert ta' mużika varjata f'wieħed mit-Teatri ewlenin tal-Ewropa, it-Teatru Manoel fil-Belt Valletta. Dan il-Programm, li ser ikun taħt il-Patroċinju esklussiv tal-President ta' Malta, l-E.T. George Abela, u se jsir nhar il-Ħadd, 20 ta' Frar, 2011.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said, mill-Ambaxxatur Taljan għal Malta l-E.T. Efisio Luigi Marras, mis-Sindku tal-Kunsill Lokali ta' Kerċem Joseph Grima kif ukoll mis-Surmast Direttur Mro Mark Gauci, fil-preżenza tad-Direttur tal-Istituto Culturale Italiano Bruno Buzzetti u l-korjografu Amina Contin.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva meħuda mill-Għaqda Mużikali San Girgor u spjegat kif din tirrifletti l-livell tal-kultura li Għawdex igawdi speċjalment fil-qasam filarmoniku. L-interess fil-mużika li ġie mxettel minn diversi baned f'bosta lokalitajiet f'Għawdex, irriżulta f'numru akbar ta' tfal u żgħażagħ li tgħallmu japprezzaw aktar il-parteċipazzjoni tagħhom f'diversi oqsma mużikali. Hija żiedet tgħid li dan jawgura tajjeb għall-promozzjoni u għat-tixrid tal-kultura fil-gżira ta' Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Chris Said irrefera għas-sehem importanti li s-soċjetajiet tal-mużika u l-baned għandhom fil-ħajja kulturali u soċjali fil-gżejjer Maltin. Dawn iservu mhux biss bħala benniena tal-mużika, għaliex joffru tagħlim tal-mużika b'xejn, iżda wkoll kull sena joħorġu b'inizjattivi ta' kunċerti u attivitajiet oħra intiżi biex ikattru l-imħabba għall-mużika. Dan kollu jsir mingħajr interessi, volontarjament, u b'dedikazzjoni liema bħalha. Hu faħħar l-inizjattiva tal-Għaqda Mużikali San Girgor u fissirha bħala okkażjoni unika.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-Banda San Girgor se tkun l-ewwel Banda Għawdxija li se ttella' Kunċert Mużikali fit-Teatru Nazzjonali, b'inizjattiva tagħha stess.
Spectacular Spectacular se jkun taħlita sħiħa ta' diversi forom ta' arti li jwassal biex wieħed ikun jista' japprezza kif diversi persuni jesegwixxu arti varja li toħloq riżultati uniċi. Minbarra prestazzjoni mużikali mill-Banda San Girgor taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Mark Gauci u l-korjografija artistika ta' Amina Contin, il-kunċert ser ikun imżewwaq bi spettaklu ta' żfin u kant mill-aqwa. Barra minn hekk, ser ikollu wkoll il-parteċipazzjoni tas-solista Ingliż ta' fama internazzjonali Steven Mead, li flimkien ma' kantanti Maltin u Għawdxin ser joħloq kunċert ta' armonija u spettakolari.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jaċċessa www.bandasangirgor.org jew www.teatrumanoel.com.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003