DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TA’ SLIEMA WANDERERS SPORTS COMPLEX, TIGNE POINT, SLIEMA – IS-SIBT 12 TA’ FRAR 2011
Onorevoli kollegi
Sur Abela
Membri distinti
Sinjuri
Is-sinifikat taċ-ċerimonja ta' llum mhix limitata għall-inawgurazzjoni ta' kumpless ġdid izda aktar minnhekk hija ċelebrazzjoni tal-valur tal-isports f'pajjiżna.
Hija wkoll ċelebrazzjoni tal-impenn tal-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi kif ukoll tas-sostenn li jingħataw mill-Gvern u mis-settur privat. Fuq kollox hi ċelebrazzjoni tal-isportivi kollha, li maghhom ninkludi wkoll lill-amministratturi tal-isports.
Għalhekk huwa ta' sodisfazzjon għalija li nkun hawn f'dan il-post uniku biex flimkien ninawguraw dan il-proġett.
Dan l-isports complex huwa simbolu ħaj li jagħti ġieħ lil klabb ta' Sliema Wanderers. Klabb li matul dawn il-mija u tlett snin mit-twaqqif tiegħu ta kontribut fl-iżvilupp tal-logħba tal-futbol f'pajjiżna. Dan il-proġett juri l-impenn tal-klabb biex iħares lejn il-futur u li jkompli jagħti s-sehem tiegħu fis-snin li ġejjin.
Proġett bħal dan jixhed l-importanza tal-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi ta' pajjiżna. F'pajjiżna hawn qrib it-300 għaqda sportiva rreġistrata li mhux biss qed joffru tgħallim sportiv lil uliedna izda qed ikunu wkoll katalisti importanti fit-titjib tal-infrastruttura sportiva ta'pajjiżna.
Il-Gvern jirrikonnoxi l-impenn u x-xogħol ta' dawn l-għaqdiet li fihom jispikka is-sens tal-volontarjat. Fis-sena ddedikata lill-volontarjat nixtieq bħala Prim Ministru u nirringrazzja lin-nies kollha li jgħatu l-ħin tagħhom b'mod volontarju b'impenn lejn l-isports. Il-Gvern qiegħed isostni din il-ħidma permezz ta' numru ta' inizjattivi u miżuri.
Din is-sena, il-Gvern alloka aktar minn ħames miljun ewro f'għajnuna lill-għaqdiet sportivi. Fost il-miżuri li nedejna; l-għaqdiet rikonoxxuti mill-Kunsill Malti għall-Isports qed jibbenefikaw minn għotja ekwivalenti għall-15.25 tal-prezz tal-apparat sportiv. Il-Fond għall-Kawzi Ġusti kompla jkun ta' sostenn importanti għall-assoċjazzjonijiet, inkluż għal dan il-Club u mill-2008 ingħataw aktar minn miljun ewro f'għajnuna. Permezz ta' skema ta' finanzjament qed ngħinnu lill-għaqdiet biex jikkontribwixxu għat-turiżmu f'pajjiżna billi jgibu teams minn barra għal taħriġ f'Malta. B'allokazzjoni ta' €250,000 fl-2010 l-iskema iġġenerat 41,000 bed-night f'temp ta' sena.
L-infrastruttura sportiva hija wkoll priorità għal-Gvern. Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Artijiet Jason Azzopardi qiegħed jaħdem bla heda biex aktar propjeta' pubblika tgħaddi f'idejn il-Kunsill Malti għall-Isports biex imbagħad tingħata lill-għaqdiet u assoċjazzjonijiet sportivi. Mill-2008 sa issa 47 propjeta' pubblika għaddiet f'idejn il-Kunsill Malti għall-Isports biex illum 108 għaqda sportiva qed jagħmlu użu minn propjeta' u art pubblika. Aktar tard din is-sena se jsiru trasferimenti ta' propjeta' lill-għaqdiet u assoċjazzjonijiet, fosthom lil Sliema Wanderers, permezz ta' riżoluzzjoni fil-Parlament.
Nemmnu li l-investiment fl-infrastruttura sportiva huwa investiment fit-tfal tagħna, fiż-żgħażagħ u fil-kommunitajiet tagħna. Dan jorbot mal-viżjoni u l-politika tal-Gvern fis-saħħa. Irridu soċjetà li tipparteċipa f'eserċizzju sportiv. Is-servizzi li noffru fl-isptarijiet huma importanti, izda s-saħħa tagħna tiddependi mill-istil ta' ħajja li ngħixu u l-isports jgħin fl-izvilupp tal-bniedem u biex jibqa' f'saħħtu.
Qed nibdew minn etajiet żgħar. L-investiment fl-iskejjel il-ġodda li ftħana huma xhieda ta' dan, b'faċilitajiet moderni fosthom fl-iskejjel tal-Verdala, il-Handaq, il-Karwija u Pembroke. Minbarra investiment fl-iskejjel qed inkomplu nagħtu aktar faċilitajiet u għajnuna lill-għaqdiet sportivi biex huma wkoll ikunu jistgħu itejbu l-faċilitajiet tagħhom. Fl-istess ħin il-Kunsill Malti għall-isports qiegħed ukoll jinvesti f'faċilitajiet sportivi biex il-publiku jista' jużahom bħal proġett tal-High Ropes u l-Outdoor Gym f'Ta'Qali. Anki fl-ispazji pubbliċi u l-proġetti li qed nagħmlu qed nagħmlu faċilitajiet biex jintuzaw minn nies għall-ezerċizzju fiziku. Hekk għamel il-Gvern fil-Ġnien George Bonello du Puis fi Qui si Sana fejn hemm ukoll tagħmir sportiv.
Permezz tal-isports f'pajjizna qed insaħħu l-valur tas-solidarjeta'. Li nagħtu kas aktar lil min ikollu bzonn. Li ngħinu lil min ikollu diffikultajiet. Li nqajmu kuxjenza dwar oqsma partikolari. Matul is-sena jsiru diversi maratoni u attivitajiet sportivi li fihom jingabru donazzjonijiet għal istituzzjonijiet jew għaqdiet soċjali differenti. Din il-ġimgħa Thomas Cremona, zgħazugħ ta' 22 sena qasam l-Atlantiku u kiser ir-rekord dinji tal-qdif fl-Altantiku. Għamel dan biex iqajjem aktar kuxjenza dwar il-kanċer u li persuna tista' tegħleb din il-marda. Fl-istess waqt inġabru donazzjonijiet għal Puttinu Cares li taħdem fost tfal morda bil-kanċer. Thomas Cremona hu ta' ispirazzjoni għal zgħazagħ oħra bid-determinazzjoni tiegħu u l-messaġġ pozittiv li wassal. F'ismi, f'isem il-Gvern u f'isem il-poplu Malti nifraħ lil Thomas tal-kisba li għamel u tal-ezempju li ta.
Sinjuri
Il-proġett ta' dan il-kumpless jixhed ukoll l-importanza tas-settur privat fil-qasam sportiv. Il-kumpanija Midi bħala parti mil-proġett tar-reġenerazzjoni ta' Tigne Point investiet f'dan il-kumpless modern u uniku li jinsab fuq il-bejt ta' binja kummerċjali. Dan il-kumpless huwa parti integrali minn dan il-landmark arkitettoniku f'pajjiżna. Is-settur privat permezz tal-corporate social responsability għandu rwol importanti li jkompli isosstni l-għaqdiet sportivi f'pajjiżna.
Iċ-ċerimonja ta' llum hija tassew ċelebrazzjoni tal-isports f'pajjiżna.
Dawn il-faċilitajiet se jgħinnu biex nibnu soċjetà b'saħħitha permezz tal-isports.
Filwaqt li nifraħ u nirringrazzja lil Sliema Wanderers tal-kontribut tagħhom nawguralhom għal-futur.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003